Iffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur flimkien man-National Federation of Past Pupils and Friends of Don Bosco

Ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u s-Salesjani tan-National Federation of Past Pupils and Friends of Don Bosco li permezz tiegħu ser tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn il-gvern u s-Salesjani f’Tas-Sliema bil-għan li pajjiżna jattira niċċa turistika ġdida, dik tat-turiżmu reliġjuż. 

Dan il-ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Ronald Mizzi, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg u Bryan Magro f’isem is-Salesjani, fil-preżenza tal-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo. 

Permezz ta’ dan il-ftehim, il-gvern ser ikun qed jagħti €200,000 biex is-Salesjani jagħmlu xogħlijiet infrastrutturali f’binja li l-funzjonijiet tagħha ser ikunu li tgħaqqad żgħażagħ Kattoliċi li jagħżlu lil Malta bħala d-destinazzjoni primarja għall-vjaġġ spiritwali tagħhom. Apparti minn hekk, is-Salesjani ser ikunu qed jingħataw €60,000 oħra mifruxa fuq ħames snin bil-għan li jirreklamaw lil Malta mal-230 pajjiż differenti li s-Salesjani ta’ Don Bosco huma rappreżentati. 

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo qal li din id-daqqa ta’ pinna qed issaħħaħ in-niċċa tat-turiżmu reliġjuż, liema niċċa hija importanti ħafna għal pajjiż li għandu potenzjal f’dan is-settur.

“Għalhekk qegħdin inħarsu lejn din in-niċċa bħala waħda mill-pilastri li fuqha ser inkunu qed nibnu s-settur tat-turiżmu għaż-żmien li ġej. Jiena fiduċjuz li permezz ta’ dan il-ftehim ser inkunu qed niksbu riżultati tajbin ħafna għal pajjiżna u għalhekk inħares ’il quddiem li nwettqu dan il-ftehim u b’hekk inkomplu nħarsu ’l quddiem lejn it-triq tan-normalità. Irridu li Malta tkun b’saħħitha iżjed milli kienet qabel ma bdiet din il-pandemija,” temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo. 

Share With: