Id-Dar tal-Providenza tirrifjuta d-donazzjoni ta’ €500,000 imressqa minn Adrian Delia minħabba nuqqasijiet ta’ due diligence

Id-Dar tal-Providenza rrifjutat donazzjoni ta’ €500,000 li ngħatat mill-eks-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia f’isem kumpanija mit-Tuneżija. Dan wara li l-kumpanija naqset milli tipprovdi l-informazzjoni mitluba għal finjijiet ta’ due diligence.

Fi stqarrija d-Dar tal-Providenza qalet li wara l-għoti tad-donazzjoni minn Catco Group waqt il-Festa ta’ Ġenerożità nhar l-Ewwel tas-Sena, hija kienet qabbdet lil kumpanija tal-awditjar biex tagħmel il-proċess ta’ due diligence tad-donazzjoni mressqa.

“Id-Dar tal-Providenza kienet infurmata minn din il-kumpanija li ċ-ċermen tal-Grupp ma pprovdiex l-informazzjoni relevanti mitluba minnu bħala parti mill-proċess ta’ verifika.  Għaldaqstant id-Dar tal-Providenza filwaqt li tapprezza dan il-ġest sabiħ, mhix f’pożizzjoni li tirċievi din id-donazzjoni.” kienet tgħid stqarrija maħruġda mill-organizzazzjoni karitattiva.

Għalhekk is-somma finali miġbura waqt il-Festa ta’ Ġenerożità kienet dik ta’ €2,031,540.

L-istqarrija temmet tgħid li d-Dar tal-Providenza tibqa’ impenjata li tipprovdi l-aqwa servizz possibbli biex tappoġġja lir-residenti ħalli jgħixu ħajjithom bid-dinjità li tixirqilhom.

Share With: