“Ħarqu patrimonju ta’ €500,000 fuq il-Crack… żdied sew l-abbuż”

Minn Victor Vella

“Ġlieda kontinwa.  Każ wara każ, b’persuna  wara oħra qed kontinwament jitolbu l-għajnuna minħabba li spiċċaw ‘skjavi’ tal-Crack. Lesti jonfqu kollox fuqha. Saret pjaga fis-soċjetà tagħna.  Dan fi ftit tas-snin. Illum ħafna minn dawk li qed ifittxu l-għajnuna qed isibu li jkunu qed jabbużaw mill-Kokaina, jew f’foma. ta’ trab jew mill-crack. Tisma’ esperjenzi li jħalluk imbellaħ. Koppja, b’wieħed minnhom spiċċa dipendenti fuq il-Crack. Inbidel totalment, li lanqas tagħrfu minn qabel f’dak li hu karattru. Tilef ġidu u tilef l-imħabba ta’ ħajtu. Tisma’ stejjer ta’ nies li kellhom negozju tajjeb u fallew biex jiffinanzjaw il-Crack”. Dan sostnewh ma’ IT-TORĊA ħaddiema soċjali li tkellmu dwar kif il-pjaga tal-Crack Cocaine refgħet sew rasha f’pajjiżna.  Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt f’kummenti li tana stqarr li llum l-Crack Cocaine żdiedet ħafna u rrimarka li ltaqgħu ma’ każ fejn persuna nefqet aktar minn €500,000 fil-Crack.  Noel Scerri, mill-Fondazzjoni Oasi saħaq magħna li hemm bżonn monitoraġġ tas-sitwazzjoni fejn jidħol l-abbuż mill-Crack.

41 fil-mija ta’ dawk li jiġu jfittxu l-għajnuna jkunu qed jabbużaw mill-Kokaina

Anthony Gatt, id-Direttur tal-Caritas, meta mistoqsi dwar jekk hux jaraw li hemm żieda qawwija fil-Crack Cocaine f’Malta, qalilna li “mija fil-mija. Il-Kokaina b’mod ġenerali qed issir l-aktar droga li jitolbu  għajnuna dwar għadd ta’ persuni. Fis-sena 2019 kellna 41 fil-mija tal-klijenti li talbu l-għajnuna li kienu qed jabbużaw mill-Kokaina”.

Jgħidilna li “fis-sena 2019 kellna 730 persuna li ġew jitolbu l-għajnuna.  41 fil-mija kienu qed jabbużaw mill-Kokaing, 29 mill-Eroina u 24 mill-Kannabis.  Jekk tqabbel din l-istatistika ma’ infomazzjoni u  data ta’ għaxar snin ilu dwar differenza kbira. Dan għax dakinhar kellek 90 fil-mija ta’ dawk li jiġu għall-għajnuna li kienu jabbużaw mill-Eroina”.

Enfasizza li “dan l-aħħar l-Eroina qed dejjem tonqos. Waqt li jsir dan qed naraw li Kokaina qed tiżdied. Il-Kannabis ukoll qed iżżid. Hemm diversi raġunijiet għaliex il-Kokaina qed tiżdied. Illum għandek nies li qed jgħixu għal pjaċir u għalhekk jibda bil-Kokaina f’xi party, jew fi tmiem il-ġimgħa u mbagħad dejjem iżid.  Dan ma jiġix għandna mill-ewwel għajnuna. Filfatt mindu jiġi dipendenti fuq il-Kokaina għal meta jiġi jitlob l-għajnuna, hu stmat li jgħaddu xejn inqas minn disa’ snin”.

Jisħaq li “bl-Eroina aktar tiġi dahrek mal-ħajt u jista’ jkun ukoll għalhekk li l-Kokaina żiedet fil-popolarità. Il-Kokaina tibdiha f’xi okkażjoni u mbagħad issir abitudni soċjali. Meta jibda dieħel iż-żmien, l-abitudni issir abbużiva u ma tmurx xogħol. Il-Crack Cocaine hi addittiva ħafna. Ikollok kemm ikollok tispiċċa tonfqu fuqha. L-effett tal-Crack Cocaine, għandu tendenza li hu qasir. Tispiċċa l-ħin kollu tridha. Rajna nies li ħarqu patrimonju ta’ €500,000 biex jiffinanzjaw dan l-abbuż.  Rajna nies jonfqu somom kbar u żarmaw negozju  għax spiċċaw bid-dejn. Din hi pjaga kbira.”

L-akbar arma biex niġġildulha hi t-trobbija

Anthony Gatt jgħidilna li “id-droga kienet mal-bniedem u tibqa’ mal-bniedem. Nemmen imma li l-akbar arma biex niġġildulha hi t-trobbija. L-integrita tal-familja tagħmel differenza. L-istudju tal-ESPAD kien wera  li tfal li qed jgħixu ma’ żewġ ġenituri għandhom inqas riskju, waqt li dawk li qed jgħixu ma’ ġenitur wieħed għandhom riskju doppju.  Fejn hemm dak li jissejjaħ ‘authoritative parenting’, jiġifieri trobbija dixxiplinata imma li turi empatija hu l-aħjar mod biex ittella tfal b’saħħithom. Fejn imbagħad għandek tfal li jitħallew jagħmlu li jridu, huma l-aktar li jbatu. Din narawha sew mill-programmi tagħna. Nemmen li anke bħala pajjiż, id-dixxiplina inbatu fiha”, sostna Anthony Gatt. 

Hemm bżonn monitoraġġ – Noel Scerri, Fondazzjoni Oasi

Inewsmalta tkellmet ukoll ma’ Noel Scerri mill-Fondazzjoni Oasi. Waqt li kkonferma li anke l-Oasi qed tara żieda fl-abbuż mill-Crack, qalilna li “d-differenza bejn il-Kokaina u l-Crack, hi li l-kokaina issibha trab u ġeneralemnt jtsniffjaha mill-imnieħer. L-effett tal-Kokaina jibda  wara tlett minuti. Tiġi aktar alert u enerġetiku. Tibda tparla mgħaġġel.  Li jiġri imbagħad hu li nofs siegħa jew tlett kwarti wara tiġi bil-maqlub, jiġifieri taqa’ ‘down’ u tkun dipresssat”.

Jisħaq li “l-crack, hi Kokaina li jsajruha u tiġi ġebla. Imbagaħd jsaħħnuha u din x’ħin taħraqha l-effett tagħha ikun immedjat. Wara  10 sekondi tħoss  raxx qawwi. u l-effett tiegħu hu bil-ħafna aktar qawwi mill-Kokaina normali.   Bil-Crack l-effett ma jdumx ħafna u wara ħames. minuti taqa’. aktarr down. Il-Crack hi ħafna aktar addittiva.”

Noel Scerri jgħidilna li “hemm bżonn aktar monitoraġġ. Illum il-Crack hi mifruxa ħafna. Issibha fil-livelli kollha tas-soċjetà.”

Share With: