Ħames persuni arrestati fuq ‘romance fraud’

Ħames persuni sfaw arrestati b’rabta ma’ dak li huwa magħruf bħala ‘romance fraud’. Il-persuni, erbat irġiel min-Niġerja u mara maltija, sfaw arrestati wara investigazzjojni konġunta bejn il-Pulizija tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid u l-Iskwadra ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjoni tar-Reati Finanzjarji.

Wara xhur ta’ investigazzjonijiet irriżulta li mara anzjana Maltija allegatament spiċċat vittma ta’ frodi ta’ ammont konsiderevoli ta’ flus, wara li għal perjodu twil ta’ żmien daħlet f’relazzjoni virtwali ma’ persuna li allega li huwa suldat Amerikan li qiegħed fuq missjoni fl-Afganistan, iżda kien se jtemm din il-missjoni u jiġi jgħix Malta. 

L-allegata vittma, għalkemm qatt ma ltaqgħet wiċċ imb’wiċċ mal-persuna l-oħra, ħadet din ir-relazzjoni b’serjetà u ddepożitat eluf ta’ ewro permezz ta’ diversi tranżazzjonijiet bankarji wara li din il-persuna allegatament talabha biex tħallaslu għall-ispejjeż li kellu.

Mill-investigazzjonijiet intensivi li saru mill-Pulizija Maltija, irriżulta li dan ir-reat ta’ ‘romance fraud’, allegatament kien qiegħed jitwettaq f’Malta stess, minn numru ta’ persuni li assistew sabiex il-flus jidħlu f’ammonti żgħar f’diversi kontijiet bankarji bl-iskop li jinġibdu u b’hekk jinħaslu. 

Fl-aħħar sigħat il-Pulizija stabilixxiet min allegatament kien wara dan ir-reat u ġew arrestati ħames persuni, li l-eta taghhom tvarja bejn it-28 u t-58 sena. 

Huma se jitressqu l-Qorti llejla għall-ħabta tad-disgħa (2100hrs) quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke LL.D. u jiġu akkuzati li kienu involuti fi skema ta’ frodi li wasslet għar-reat ta’ ħasil ta’ flus. Dan il-każ huwa meqjus bħala l-ewwel wieħed li fih se jitressqu persuni l-Qorti fuq allegat frodi permezz ta’ relazzjoni virtwali.

Il-Prosekuzzjoni se titmexxa mill-Avukati Dr Karl Muscat, Dr Sean Xerri de Caro u Dr Abigail Caruana Vella mill-ufficju tal-Avukat Generali, flimkien mal-Ispettur Sarah Zerafa mid-Distrett ta’ Raħal Ġdid u mill-Ispettur Claire Borg mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Ekonomiċi.

Share With: