Ħames immigranti għall-Ħabs fuq tkissir fiċ-ċentru fejn jgħixu

Maġistrat li semgħet ħames immigranti jammettu li kissru partijiet miċ-ċentru tad-dentenzjoni fejn jgħixu ikkundannathom 114-il xahar ħabs bejniethom.

Mohamed Hamid ta’ 21 sena miċ-Chad, Haruun Madwi Haruun ta’ 21 sena mis-Sudan, Muhger Addalla ta’ 17-il sena mis-Sudan, Abdalla Mohammed Mohammed ta’ 17-il sena mis-Sudan ukoll u Hashi Abdul Rahman ta’ 15-il sena mis-Somalja kienu mixlijin li fit-18 ta’ Settembru 2020 kissru twieqi u strutturi fiċ-ċentru tad-detenzjoni ta’ Ħal Safi.

Huma ġew mixlijin ukoll li ħadu parti minn grupp ta’ 10 min-nies jew aktar biex jagħmlu reat, li m’obdewx l-ordnijiet tal-awtoritajiet, li kissru l-paċi pubblika b’għajjat u ġlied u li kienu kompliċi fl-għoti tan-nar lil saqqu.

Il-ħames immigranti spiċċaw tressqu fil-Qorti b’rabta mal-irvell li kien qam fl-istess jum u post fejn numru ta’ immigranti spiċċaw anke ħarbu miċ-ċentru.

Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia l-ħamsa li huma wieġbu ħatja għall-akkużi kollha miġjuba kontrihom mill-Ispettur Janetta Grixti.

Il-Maġistrat Lia ikkundannat lil Hamid u Haruun għal 30 xahar ħabs kull wieħed mentri lit-tlieta l-oħra ikkundannathom 18-il xahar ħabs kull wieħed għax kienu taħt l-età meta seħħ ir-reat.

Il-ħames immigranti ġew ikkundannati wkoll iħallsu multa ta’ €500 kull wieħed lill-Gvern Malti għall-ħsara li wettqu fl-istess ċentru ta’ detenzjoni.

Share With: