Grupp ta’ immigranti arrestati wara li daħlu pajjiżna illegalment

Grupp ta’ madwar tmien immigranti ġew arrestati bejn Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi wara li daħlu f’pajjiżna llegalment.

Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ dan is-sit li l-Pulizija daħlilha rapport għall-ħabta tat-8:15 p.m li x’aktarx kienu daħlu xi immigranti b’dgħajsa li allegatament ħarbet mill-post minnufih.

Fil post marru pulizija tar-Rapid Intervention Unit u uffiċjali oħra tad-Distrett li nnutaw grupp ta’ persuni mexjin bejn Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi. Huma aġixxew mill-ewwel u arrestaw ħames Sirjani u tliet Eġizzjani li ttieħdu d-Depot għal aktar stħarriġ.

L-awtoritajiet konċernati talbu għall-assistenza tal-Forzi Armati li bdew bi tfittxijiet fuq il-baħar minħabba l-possibbilità li kien hemm iżjed immigranti. Intant kompliet it-tfittxija fuq l-art f’każ li xi immigranti kienu nfirdu mal-wasla tagħhom f’pajjiżna.

Share With: