Għaxar snin ħabs fuq traffikar ta’ droga

Raġel li ammetta l-involviment tiegħu fit-traffikar ta’ żewġ tipi ta’ droga kien ikkundannat 10 snin ħabs u immultat €32,000.

Brian Godfrey Bartolo ammetta li fil-25 ta’ Jannar 2011, u fil-jiem, ġimgħat u xhur ta’ qabel, kellu fil-pussess tiegħu u ittraffika r-raża tal-kannabis kif ukoll li ftiehem ma’ persuni oħra biex tiġi ittraffikata l-imsemmija droga.

F’każ separat huwa ammetta wkoll li fl-4 ta’ Lulju 2009, u fil-jiem u xhur ta’ qabel, kellu fil-pussess tiegħu u ittraffika l-kokoaina u anke l-kannabis.

Quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti irriżulta li fl-ewwel qabda Bartolo kellu 981 gramma raża tal-kannabis b’purità ta’ 8.8% mentri fit-tieni każ kellu 287 gramma kokaina b’purità ta’ 41.7% u 1,828 gramma kannabis b’purità ta’ 8.1%.

Meta ġie biex jagħti s-sentenza l-imsemmi mħallef qies, fost oħrajn, li Bartolo għamel progress f’ħajtu tant li anke kiseb kwalifiki akkademiċi u għalhekk kien ħaqqu jibbenefika minn żewġ gradi fil-piena f’kull każ.

Kien għalhekk li ikkundannah ħames snin ħabs għal kull każ u multa ta’ €12,000 għall-ewwel każ u €20,000 għat-tieni għal total ta’ 10 snin ħabs u €32,000 multa.

Share With: