Għat-tieni sena konsekuttiva… ebda purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira

Minn Victor Vella

B’għadd ta’ dilettanti tal-Ġimgħa Mqaddsa, fosthom dawk li ta’ kull sena ssibhom jipparteċipaw bi ħġarhom għall-purċissjonijiet li jsiru, fl-aħħar sigħat ikkonfermaw kif kollox jindika li l-purċissjonijiet mhux se jsiru. Persuni qrib organizzaturi ta’ waħda mill-purċissjonijiet qalilna li “sa fejn naf jien uffiċjalment ma kien hemm ebda deċiżjoni kkomunikata magħna. L-uniku indikazzjoni ingħatat fl-aħħar jiem meta inħarġet iċ-ċirkolari mill-Isqof Awżiljarju mill-membri tal-kleru. Il-messaġġ fiha hu ċar hu. Irrid ngħid li sa minn ftit jiem ilu konna qed inħossu u dan anke minn dak li qed jgħidulna l-arċiprieti, li l-purċissjonijiet ma kinux isiru.” Dan ifisser li għat-tieni sena konsekuttiva l-purċissjonijiet mhux se jsiru wara li s-sena li għaddiet kienu tħassru.

Mistoqsi dwar jekk il-festi fis-sajf hux se jsiru, b’mod partikolari l-purċissjonijiet, l-istess sors qalilna li “inċerta ħafna is-sitwazzjoni. Jaf ikun hemm ċans li jsiru xi festi b’mod ridott, imma xejn mhu ċert. Li nista’ ngħid li preparamenti għal festi għaddejjin. Anki l-każini huma ippreparati biex jerġgħu jibdew jiffunzjonaw. Sa issa imma għad hemm inċertezza. Naħseb li hemm bżonn aktar żmien sakemm ikun hemm indikazzjoni aktar ċara ta’ x’se jiġri”.  

F’ċirkolari mibgħuta lill-membri tal-kleru mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi intqal li  l-Knisja tħeġġeġ lill-poplu nisrani biex tul dan iż-żmien tar-Randan jisma’ l-Kelma ta’ Alla, jinġabar fit-talb u jagħmel karità. Intqal ukoll li l-Knisja timpenja ruħha biex permezz tad-diversi entitajiet tagħha tipprovdi opportunitajiet biex il-poplu nisrani jkun jista’ jagħmel dan. 

Fiċ-ċirkolari issemma kif il-Knisja se tibqa’ tevalwa s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika u aktar ’il quddiem tagħti direttivi dwar kif għandha tiġi ċċelebrata l-liturġija tat-Tridu tal-Għid.

Sadanittant, matul il-jum tal-bieraħ, il-Knisja f’Malta u Għawdex fi stqarrija ħabbret li ma kinitx se torganizza pellegrinaġġi, purċissjonijiet u manifestazzjonijiet matul ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is-sena. 

Il-Knisja ħeġġet lill-poplu Nisrani biex matul ir-Randan jisma’ l-Kelma ta’ Alla, jinġabar fit-talb u jagħmel karità. Il-Knisja qalet ukoll li se tibqa’ tevalwa s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika u aktar ‘il quddiem toħroġ direttivi dwar kif għandha tiġi ċċelebrata l-liturġija tat-Tridu tal-Għid.

Share With: