Għaliex qiegħed ikun hemm każi pożittivi anke wara t-tilqim?

Esperti fil-qasam tas-saħħa qalu li m’hiex sorpriża li qiegħed ikun hemm każijiet pożittivi anke wara li tittieħed it-tilqima ta’ kontra l-Covid-19 u dan ma jfissirx li hemm xi ħaġa ħażina fit-tilqim jew inkella fil-mod kif jingħataw. Dawn huma r-raġunijiet skont dawn l-esperti:

* It-tilqim ma jaħdimx mill-ewwel – Iridu jgħaddu ftit tal-ġimgħat biex il-ġisem irabbi biżżejjed immunità wara li tingħata d-doża. Barra minnhekk, iż-żewġ tipi ta’ tilqim li qegħdin jintużaw l-aktar bħalissa – tal-Pfizer-BioNTech u ta’ Moderna – għandhom bżonn tat-tieni doża b’ġimgħat bejniethom biex ikunu kompluti;

* Ma jaħdmux retroattivament – Persuna tista’ tkun diġà infettata u ma tkunx taf bil-virus meta tieħu t-tilqima u dan anke jekk tkun riċentament irriżultat negattiva. Din l-infezzjoni tista’ tkompli tiżviluppa fil-ġisem wara li tieħu l-ewwel doża qabel ma t-tilqima tilħaq il-protezzjoni massima tagħha u mbagħad tirriżulta pożittiv għall-Covid-19;

* It-tilqim jiġġieled il-marda, imma forsi mhux l-infezzjoni – It-tilqim kontra l-Covid-19 qiegħed jingħata awtorizzazzjoni għall-użu fuq kemm jevita li dak li jkun jimrad, li jkollu bżonn kura fl-isptar jew li jmut. Ix-xjenzati għadhom ma jafux kemm huma effettivi milli jevitaw li persuna tiġi infettata bil-Coronavirus jew li jwaqqfu milli l-virus jittieħed minn persuna għall-oħra. Għal din ir-raġuni, il-persuni li jitlaqqmu, xorta waħda għandhom ikomplu jilbsu l-maskra u jżommu d-distanza soċjali.

* Anke l-aqwa tilqim, m’huwiex perfett – Ir-rati ta’ effiċjenza tat-tilqim tal-Pfizer-BioNTech u ta’ Moderna huma għoljin ħafna imma xorta waħda m’humiex mija fil-mija (100%). Minħabba li f’ċerti pajjiżi l-virus qiegħed jinxtered bla kontroll, il-persuni li għadhom kemm tlaqqmu kontra l-Covid-19 huma f’periklu reali li jerġgħu jinfettaw ruħhom bih.

Share With: