Għada hu l-Jum Internazzjonali tal-Epilessija

It-Tnejn, 8 ta’ Frar 2021, huwa l-Jum Internazzjonali tal-Epilessija li qed jiġi ċċelebrat mad-dinja kollha inkluż f’Malta. L-epilessija hija waħda mill-aktar kundizzjonijiet newroloġiċi kroniċi u prevalenti li taffettwa persuni irrispettivament mill-istatus soċjali, is-sess u l-età. Huwa stmat li f’Malta hawn 4,000 persuna li għandhom din il-kundizzjoni.

Sabiex jiġi mfakkar dan il-jum diversi binjiet fil-Belt Valletta xegħlu l-faċċata tagħhom bil-kulur vjola fosthom il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, jġifieri Cavalier House, u l-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, jiġifieri Maison Demandols fil-Belt Valletta. Binjiet oħra li qed jinxtegħlu vjola jinkludu l-Berġa ta’ Kastilja, Palazzo Castellania u Palazzo Ferreria. Dan sar fuq inizjattiva tal-Caritas Malta Epilepsy Association.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li ġurnata bħal din hija waħda sinifikanti għaliex bħalma qed tgħid it-tema ta’ din l-inizjattiva globali għandna ‘nitfgħu raġġ ta’ dawl għall-epilessija’ inkluż f’pajjiżna fejn forsi mhux kulħadd hu konxju ta’ din il-kundizzjoni.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li, “Okkażjoni bħal din għandha sservi biex titqajjem iżjed kuxjenza u jiġu enfasizzati d-diffikultajiet li persuni bl-epilessija u l-familjari jiltaqgħu magħhom jum wara jum. Għalhekk sa minn età ċkejkna għandna nrawmu fit-tfal tagħna sabiex minbarra li titnaqqas l-istigma eżistenti jiżdied l-għarfien dwar din il-kundizzjoni u l-effetti tagħha sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu aktar fit-taffija tad-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom dawn il-persuni.

Il-Caritas Malta Epilepsy Association (CMEA) twaqqfet fl-1996 u ġiet reġistrata bħala organizzazzjoni volontarja mhux governattiva fl-2017. Din l-assoċjazzjoni għandha status ta’ membru sħiħ u attiv tal-International Bureau for Epilepsy (IBE) u l-viżjoni tagħha hija dik ta’ ‘ħajja aħjar għal nies bl-epilessija’.

Share With: