Ftehim bejn l-Università ta’ Malta u l-UMASA

“Dan huwa ftehim sinifikanti, għaliex permezz tiegħu se jibbenefikaw l-akkademiċi tal-Università, imma mhux biss, għaliex permezz tiegħu se jgawdu wkoll l-istudenti kollha”.

Hekk qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana meta ppresediet l-iffirmar tal-ftehim bejn l-Università ta’ Malta u l-UMASA – il-University of Malta Academic Staff Association. Il-ftehim jaħseb għal titjib fis-salarji kif ukoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, filwaqt li huwa mifrux fuq diversi oqsma oħra marbuta ma’ kundizzjonijiet u prattiċi tal-akkademiċi.

Il-Ministru Caruana tkellmet dwar ir-rwol importanti li għandha l-Università ta’ Malta li tħarreġ l-istudenti bl-aħjar mod possibbli kemm b’mod akkademiku, imma wkoll għall-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Qalet ukoll li dan huwa ftehim importanti u li matul il-perjodu ta’ diskussjoni ġew esplorati diversi kwistjonijiet u sfidi li jeżistu fl-Università bl-għan li jiġu indirizzati permezz tiegħu.

Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred J. Vella qal li dan huwa ftehim sinifikanti għaliex jirrispondi għas-sitwazzjoni kif tinstab illum u anki kif tistà tevolvi għada pitgħada, jiġifieri l-Università ħasbet biex ikollha ftehim li jagħmel ġieħ lill-Università, lill-akkademiċi, u li fuq kollox iżomm f’moħħu lill-istudenti.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-UMASA – li hija l-unika union rikonoxxuta biex tirrappreżenta l-korp akkademiku fi ħdan is-settur terzjarju tal-Università – Dr Jean Paul Baldacchino, qal li jinsab kburi li flimkien mal-Università saret ħidma biex iż-żewġ partijiet waslu għal ftehim li jirrifletti r-realtajiet tal-pajjiż kif ukoll is-sitwazzjonijiet tal-akkademiċi, li kienu minn tal-ewwel fl-Università li adattaw it-tagħlim tagħhom għall-bżonnijiet tas-soċjetà tagħna fi żmien il-COVID. Qal ukoll li dan huwa pass tajjeb, u li għalkemm fadal xi jsir huwa kunfidenti li flimkien, il-union u l-Università se jkomplu jipprovdu servizz tajjeb lill-istudenti u lill-pajjiż.

Għall-iffirmar kienu preżenti wkoll Karmenu Vella, il-Pro-Kanċillier tal-Università u l-Viċi-President tal-UMASA Dr Ivan Sammut

Share With: