Fl-2022 Malta bl-akbar tkabbir ekonomiku fl-UE

Skont l-aħħar tbassir ekonomiku tal-Kummissjoni Ewropea, Malta se tirreġistra l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea s-sena d-dieħla, tant li r-rata ta’ tkabbir imbassra, 5.4%, hija mistennija  tkun kważi darba u nofs tal-medja Ewropea. Dan jikkonferma kemm il-miżuri li qiegħed jieħu l-gvern huma mistennija li jwasslu għar-riġenerazzjoni tal-ekonomija Maltija.

Minkejja li nnota l-importanza tat-turiżmu għal Malta, ir-rapport tal-Kummissjoni jsostni li l-programm ta’ vaċċinazzjoni kif ukoll l-irkupru tad-domanda domestika mistennija jwasslu għal tkabbir qawwi fl-ekonomija Maltija din is-sena. Fil-fatt, it-tkabbir fl-2021 għal pajjiżna huwa mistenni li jkun aqwa mill-medja Ewropea, 4.5% f’Malta u 3.7% fl-Unjoni Ewropea.

Ta’ min jinnota li t-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea ma jinkludix l-impatt tal-fondi ġodda Ewropej. B’hekk dawn l-esperti jsostnu li fir-realtà t-tkabbir ta’ pajjiżna jista’ jkun aktar minn dak imbassar. Barra minn hekk ir-rapport tal-Kummissjoni jsostni li, “by the end of 2022, the tourism sector is expected to recover close to pre-pandemic levels”. L-istess fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali.

Il-gvern jilqa’ dan it-tbassir pożittiv filwaqt li qiegħed fil-proċess li jiffinalizza l-pjan strateġiku ta’ kif ser jintużaw il-fondi Ewropej. Dan l-akbar pakkett finanzjarju li qatt ingħata pajjiżna se jikkumplimenta r-riżorsi tal-fondi li faddal il-gvern fl-aħħar snin u ser iwassal għal prosperità ġdida għal pajjiżna.

Share With: