“Fis-sitwazzjoni li dawn jinsabu fiha, kull għajnuna tgħin” – Id-Deputat President tal-Kamra tal-SMEs Philip Fenech

Il-Kamra tal-SMEs tilqa’ l-għajnuna tal-Gvern lis-sidien ta’ bars u każini

Miktub minn Maria Azzopardi, Ritratti Roger Azzopardi

Id-Deputat President tal-Kamra tal-SMEs Philip Fenech laqa’ b’mod pożittiv l-għajnuna li l-gvern ħabbar li se jkun qed jagħti lis-sidien ta’ bars u każini. F’kummenti ma’ dan is-sit, huwa esprima wkoll is-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-Gvern mhux talli rdoppja l-għajnuna li kienet ippjanata, talli żied l-ammont li kien qed jiġi ppjanat biex b’hekk ġiet varata skema ta’ €2.2 miljun bħala għajnuna lis-sidien ta’ bars u każini li kellhom jibqgħu magħluqin minħabba restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija tal-Covid-19.

Huwa qal: “Naturalment fis-sitwazzjoni li qegħdin il-ħwienet, li huma magħluqin, kull għajnuna tgħin. L-ispirtu tal-għajnuna meta bdejna t-taħditiet kienet biex ikunu jistgħu jużaw dan l-ammont għal working capital, jiġifieri dawk l-affarijiet bħal juices, minerali jew birra li kellhom jarmu minħabba li kienu magħluqin u jkunu laqqtu d-data tal-iskadenza. Naturalment jistgħu jużaw dan l-ammont għal dak li jridu, m’hemmx għalfejn jużawhom għal hekk biss.”

Filwaqt li qal li lkoll nafu li biex in-negozju jimxi, irid it-turnover, irid lit-turisti jiġu u jrid li mmorru lura għan-normal, hija xi ħaġa pożittiva meta tara kull għajnuna li qed jagħti l-gvern bħal wage supplement, il-vawċers li se jiġu u għajnuniet oħra li hemm mill-Malta Enterprise. Qal li dan kollu tassew se jkun qed iservi bħala sapport sakemm eventwalment l-affarijiet jibdew ġejjin bil-mod għan-normalità.

Fenech qal: “Nilqgħu l-iskema varata assolutament b’mod pożittiv. Hija pożittiva wkoll għax meta bdiet l-iskema kienet ta’ €1 miljun u wara t-taħditiet li fihom konna involuti aħna wkoll, fejn sħaqna li probabbilment dak l-ammont mhux se jkun biżżejjed biex jieħdu somma diċenti, il-gvern mhux talli rdoppja din is-somma talli żied ukoll fuq dan l-ammont.”

Il-ġimgħa l-oħra l-Gvern ħabbar li l-bars kummerċjali li għandhom liċenzja mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu jistgħu japplikaw għal massimu ta’ €2,870, bars li jiffurmaw parti minn għaqda jew każin sa massimu ta’ €1,860, u l-għaqdiet kollha l-oħra li huma reġistrati mal-Kummissarju tal-Pulizija bl-eċċezzjoni tal-każini politiċi, jistgħu japplikaw sa massimu ta’ €1,260. 

Dan l-inċentiv għall-kategoriji msemmija se jkun qed ikopri l-perjodu ta’ bejn it-28 ta’ Ottubru 2020 u t-28 ta’ Frar 2021, l-istess żmien li fih dawn l-azjendi kellhom jibqgħu magħluqin minħabba restrizzjonijiet marbutin mal-pandemija tal-COVID-19. 

Kif intqal mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Komsumatur Clayton Bartolo din l-għajnuna se tkun qed tgħin bil-kbir biex dawn l-istabbilimenti jkunu iżjed preparati meta pajjiżna jibda jirritorna lura għan-normalità.

Share With: