“Fi ftit xhur pajjiżna se jilħaq il-livell ekonomiku tas-sena ta’ qabel il-pandemija” – Il-Bank Ċentrali

Il-Bank Ċentrali ta’ Malta rreveda ‘l fuq it-tkabbir fl-ekonomija Maltija għas-sentejn li ġejjin. F’rapport ippubblikat aktar kmieni, il-Bank Ċentrali saħaq li l-andament ekonomiku tas-sena ta’ qabel feġġet il-pandemija se jintlaħaq lejn tmiem is-sena li ġejja.

Huwa jgħid li l-qgħad żdied inizjalment matul l-ewwel mewġa tal-Covid19 iżda minn dak iż-żmien naqas hekk kif il-miżuri fiskali kienu ta’ sostenn qawwi għall-impjiegi.

Waqt li jsemmi kif it-tkabbir fl-impjiegi baqa’ pożittiv matul l-2020 u li se jirpilja fis-snin ta’ wara sakemm jilħaq il-livell ta’ 2.7% fl-2023.

Il-Bank Ċentrali jgħid li wara tnaqqis ta’ 8.2% fl-2020, il-Prodott Gross Domestiku għandu jikber b’5% fl-2021, b’5.5% fl-2022 u b’4.7% fl-2023.

Fl-analiżi tiegħu huwa jirrimarka li d-domanda domestika mistennija tkun l-istimolu ewlieni tal-irkupru previst minn din is-sena ‘l quddiem.

Dwar l-inflazzjoni, jiġifieri l-għoli tal-ħajja, il-Bank Ċentrali jgħid li minn 0.8% din is-sena mistennija titla’ għal 1.7% fl-2023 proprju minħabba l-irkupru ekonomiku.

Fir-rigward tal-finanzi pubbliċi huwa jsemmi kif dawn iddeterjoraw drastikament matul l-2020 minħabba l-Covid u qed ibassar defiċit ta’ 9.5% fl-2020.

Waqt li għandu jibqa’ jippersisti matul din is-sena, id-defiċit mistenni jinżel għal 6.6% din is-sena u għandu jibqa’ nieżel għal 3.9% fl-2023.

Fl-istess waqt il-proporzjon tad-dejn tal-Gvern meta mqabbel mal-ġenerazzjoni tal-ekonomija għandu jitla’ minn 42.4% fl-2019 għal 60.3% fl-2023.

Share With: