Fdalijiet ta’ Daphne misjuba fuq siġra

Uffiċjal mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (DPĊ) spjega fil-Qorti kif sab fdalijiet minn Daphne Caruana Galizia fuq siġra fil-post fil-Bidnija fejn inqatlet.

Arthur Grech kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, in-negozjant mixli b’kompliċità fil-qtil li kien seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2017.

Huwa irrakkonta kif meta dakinhar marru fuq il-post sabu karozza qed taqbad u wara li tfewha induna li kien hemm persuna ġo fiha.

Grech spjega kif tliet ijiem wara, jiġifieri fid-19 ta’ Ottubru, il-Forzi Armati nfurmathom li kien hemm xi fdalijiet tal-vittma fuq siġra u għalhekk marru jgħinuhom biex jiġbruhom.

Uffiċjal ieħor tad-DPĊ li xehed kien Frederick Sammut li wkoll ta dettalji xokkanti ta’ dak li sabu fejn qal li ħdejn il-karozza b’persuna maħruqa fiha kien hemm id.

Anke Harry Eddleston, uffiċjal ieħor, qal li x’ħin kien miexi fuq il-post sab parti minn sieq mal-art.

Fi tmiem is-seduta l-Maġistrat Rachel Montebello reġgħet ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Fenech.

AQRA WKOLL:

AĠĠORNATA: Mandat ta’ sekwestru kontra Yorgen Fenech jibqa’ fis-seħħ
Share With: