Farsons u l-imsieħba tagħha jippreżentaw it-tieni pagament tal-għotja tagħhom ta’ €115K lil Hospice Malta

Il-Fondazzjoni Farsons, Farrugia Investments u Multigas Limited dan l-aħħar ippreżentaw it-tieni pagament tal-għotja tagħhom ta’ €115K lill-Malta Hospice Movement. Dan sar mis-Sur Louis A. Farrugia, Chairman tal-Grupp Farsons, lis-Sa Bernadette Bonnici Kind, Chairperson ta’ Hospice Malta, fil-preżenza tas-Sur Kenneth Delia, Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta, is-Sa Antoinette Caruana, Segretarja tal-Kumpanija Farsons, u s-Sa Melinda Farrugia, Manager tar-Riżorsi Umani ta’ Multigas.

Din l-għotja se tmur għall-bini ta’ St Michael Hospice, l-ewwel kumpless, tal-ogħla livell, f’Malta maħsub apposta għall-provvista ta’ kura paljattiva komprensiva. St Michael Hospice f’Santa Venera, fejn qabel kien hemm l-Istitut Adelaide Cini, għandu jkun l-uffiċċju ċentrali ta’ Hospice Malta u mistenni jsaħħaħ is-servizzi tal-komunità li huma diġà stabbiliti. Il-kumpless se jkollu taqsima għall-kura tal-pazjenti residenti, li tikkumplimenta s-servizzi l-oħrajn kollha, biex l-għajnuna tingħata aħjar u b’mod aktar sħiħ. Is-servizzi attwali tat-terapija se jiżdiedu, u se jiġu introdotti għadd ta’ kliniċi ta’ matul il-jum għall-pazjenti. St Michael Hospice se jsaħħaħ ukoll il-fergħa edukattiva li għandha twassal għal ħafna opportunitajiet ta’ skambju bejn l-esperti ta’ ċentri oħra fl-Ewropa, u lil hinn, li joffru servizzi simili. Ix-xogħlijiet mistennija jkunu lesti sa tmiem l-2022.

Hospice Malta hija organizzazzjoni volontarja li tipprovdi u tippromwovi l-kura paljattiva lil pazjenti bil-kanċer, b’mard tan-nervituri, tal-qalb, tan-nifs, tal-kliewi u l-fwied. Toffri s-servizzi tagħha bla ħlas lil pazjenti f’Malta u Għawdex, u l-kontribut tagħha fis-soċjetà Maltija hu magħruf sewwa. Sa mit-twaqqif tagħha, fl-1989, għadd kbir ta’ pazjenti u qraba tagħhom, li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli ħafna, irrikorrew għand Hospice Malta u gawdew mis-servizzi ta’ din l-organizzazzjoni volontarja.

L-assoċjazzjoni ta’ bejn Hospice Malta u Farsons tmur lura diversi snin. Is-Sur Louis A. Farrugia qal li, “Ix-xogħol tal-Hospice hu ta’ importanza nazzjonali u issa, bl-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19, sar aktar kumpless. B’din l-għotja qed nappoġġjaw lil Hospice Malta biex tkompli għaddejja bil-ħidma imprezzabbli tagħha għall-benefiċċju tas-soċjetà Maltija.” 

Is-Sa Bonnici Kind irringrazzjat lis-Sur Farrugia u lill-Fondazzjoni Farsons għall-appoġġ ġeneruż tagħhom b’risq il-proġett ta’ St Michael Hospice, li huwa “proġett nazzjonali li għandu jkompli jifrex is-servizzi tal-Hospice lill-familji kollha li jkunu jeħtieġu l-għajnuna.” Hi għamlet ukoll appell lil organizzazzjonijiet oħrajn u lill-pubbliku ġenerali biex jappoġġjaw dan il-proġett waqt it-teletona li se torganizza l-Hospice fl-14 ta’ Frar.

Tagħrif ieħor dwar St Michael Hospice ssibu mis-sit https://www.hospicemalta.org/st-michaels-hospice/. Jekk tixtieq tgħin lil dan il-proġett, ikkuntattja lil Hospice Malta fuq 2144 0085 jew fuq info@hospicemalta.org

Share With: