Erba’ rġiel arrestati wara sejba ta’ 21 kg ta’ droga kannabis

Erba’ persuni sfaw arrestati mill-Pulizija b’rabta ma’ sejba ta’ droga fil-Furjana u San Pawl il-Baħar. Il-Pulizija kienu ilhom josservaw lill-persuni għal diversi ġimgħat, b’dan iwassal biex ilbieraħ filgħaxija il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assisti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit jagħmlu operazzjoni kontra t-traffikar tad-droga fiż-żewġ lokalitajiet.

Is-sejba tad-droga kienet tammonta għal 21 kilo droga suspettata kannabis, bil-valur fit-triq li kieku din id-droga nbiegħet tlaħħaq l-€420,000.

Kien għall-ħabta tas-6.00 p.m. meta l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga ċċirkondaw vann fil-Furjana li fih kien hemm żewġt irġiel, Malti ta’ 47 sena residenti l-Isla u Taljan ta’ 32 sena residenti San Pawl il-Baħar. Minn tfittxija li saret fil-vettura nstabu żewġ kaxxi ssiġillati, waħda bi friġġ u oħra b’chest freezer, u malli l-Pulizija fetħuhom sabu 20 pakkett b’sustanza aktarx droga kannabis.

Il-ħidma b’rabta mal-operazzjoni fil-Furjana tkompliet f’garaxx u f’dar f’San Pawl il-Baħar. Mal-wasla tal-Pulizija tar-RIU, żewġt irġiel Taljani ta’ 23 u 29 sena li kienu fuq il-post ipprovaw jaħarbu iżda twaqqfu u ġew arrestati. Fil-garaxx instabu kaxxi simili ta’ dawk li nstabu fil-vann, u fid-dar instabet aktar sustanza ta’ droga kannabis.

Il-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella ġiet informata bil-każ u ħatret inkjesta.

Share With: