Eks-President tikkunsidra passi legali kontra sit elettroniku

L-eks-President tar-Repubblika Marie-Louise Coleiro Preca qed tikkunsidra li tieħu passi legali kontra s-sit elettroniku Lovin’ Malta dwar artiklu li fih intqal li meta kienet fil-kariga l-eks-kap tal-media tal-PN Pierre Portelli tkellem ma’ Yorgen Fenech biex tinħareġ storja li deputati ribelli fil-partit kienu qed jiltaqgħu magħha biex iqaċċtu lil Adrian Delia minn kap.

Coleiro Preca iddikjarat li l-ħsieb biss li setgħet kienet involuta f’xi ħaġa kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni waqt li kienet Kap ta’ Stat hija serja u tagħti l-impressjoni li setgħet abbużat mill-irwol kostituzzjoanli li kellha meta dan ma kienx minnu.

Waqt li sostniet li l-Lovin’ Malta ma kellhix id-diċenza li titlob ir-reazjoni tagħha qabel ippubblikat l-artiklu, il-President Emeritus spjegat kif ikkuntattja lill-fundatur tas-sit Christian Peregin u offrietlu l-opportunità li tagħtih ir-reazjoni tagħha imma din ġiet injorata.

Coleiro Preca nsistiet li kien minħabba l-azzjonijiet bla etika min-naħa tal-Lovin’ Malta li hija m’għandha ebda alternattiva li tfittex parir legali u għamlitha ċara li kienet qed tirriżerva d-dritt li tieħu passi legali dwar din il-gidba.

Share With: