Ekonomija ta’ ġid għal kulħadd

Tkabbir ekonomiku ffukat fuq in-nies bl-intenzjoni li kulħadd igawdi mill-ġid li jinħoloq

Miktub minn Brian Gatt

Fl-aħħar jiem l-oppożizzjoni kompliet bil-pressjoni tagħha fuq il-gvern biex iqassam il-vouchers biex jgħin l-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan minkejja li l-Prim Ministru Robert Abela baqa’ jwiegħed li se jkun qiegħed iżomm il-kelma u li dawn se jkunu qegħdin jingħataw kif imwiegħed, iżda “fil-mument opportun” biex inkunu nistgħu ndawru r-rota ekonomika. Din il-ġimgħa inewsmalta f’intervista mal-Ministru għall-Ekonomija u l-Intrapriżi Silvio Schembri tkellimet dwar l-istimolu ta’ dawn il-vouchers fil-ġejjieni, deċiżjonijiet li kellu jieħu dan il-gvern matul il-pandemija biex iżomm bilanċ bejn l-ekonomija u s-saħħa u r-reżiljenza ta’ pajjiżna li rnexxielu jsalva l-maġġoranza tal-impjiegi b’kumpaniji li saħansitra kabbru l-operat tagħhom.

Il-Ministru Schembri fakkar li kien biss ftit ġimgħat biss wara li nħatar bħala Ministru għall-Ekonomija, feġġet il-pandemija li tista’ tgħid li laqtet id-dinja għall-għarrieda. Kompla biex jgħid li hu bħala Ministru żagħżugħ ried juri lin-nies li dan il-gvern se jkun hemm fit-tajjeb u ħafna aktar fil-ħażin meta jitfaċċaw l-isfidi. Spjega li hu bħala Ministru għall-Ekonomija kellu r-responsabbilità li jara li din il-pandemija ma tkissirx is-sistema ekonomika tagħna, il-mudell ekonomiku u li jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi.

Kellimna dwar waħda mid-deċiżjonijiet li kellu jieħu f’dan il-perjodu diffiċli bħala Ministru għall-Ekonomija. Qal li għalih huwa ta’ sodisfazzjon li jitkellem dwar żewġ kumpanija multinazzjonali kkonsultaw miegħu dwar lockdowns f’pajjiżi oħrajn li wasslu għall-għeluq tal-operat tagħhom. Spjega li wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa, pajjiżna kien kapaċi jagħtihom garanzija li dak li qegħdin jagħmlu jitqies bħala servizz essenzjali u b’hekk anke f’każ ta’ lockdown, l-operat tagħhom kien se jibqa’ jopera f’pajjiżna. “B’dik il-garanzija huma rebħu xogħol addizzjonali ġdid, rebħu linji minn pajjiżi oħra fl-Ewropa u ġew jipproduċuhom f’Malta u b’hekk f’nofs il-pandemija kellek żewġ kumpaniji li żiedu 160 ħaddiem u 50 ħaddiem rispettivament. Dan ifisser li l-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna huwa reżiljenti b’mudell ekonomiku b’saħħtu u mhux kif jipprova jagħti l-impressjoni ħaddieħor”, żied jgħid il-Ministru.

Rigward il-bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u r-riċessjoni, Schembri qal li l-għan tal-Gvern Malti hu li jżomm il-curve ta’ bejn dawn it-tnejn kemm jista’ jkun sottili u jara li meta jkun hemm riċessjoni, pajjiżna ma jiħux dik d-daqqa daqstant b’saħħitha. Dan il-gvern minkejja li baqa’ għaddej bi proġetti infrastrutturali fost proġetti kbar oħra, kien bilgħaqal biżżejjed biex jirriżerva fondi li jintużaw f’investimenti li jixprunaw xogħol ieħor b’attività ekonomika li żomm il-pajjiż milli jieħu d-daqqa li setgħu ħadu pajjiżi oħrajn li ma kinux preparati b’dan il-mod. Il-Ministru fakkar li grazzi għal dan l-għaqal tal-gvern li fl-aħħar snin tkellem kontinwament dwar surplus, pajjiżna seta’ jippreżenta pjan ta’ riġenerazzjoni b’saħħtu b’miżuri li għenu biex pajjiżna jikkrea attività ekonomika ta’ madwar erba’ fil-mija. Dan ifisser li pajjiżna seta’ kellu daqqa ‘l isfel b’erba’ fil-mija aktar, iżda bl-ispiża tal-gvern id-daqqa kienet aktar sottili u serviet bħala lqugħ kontra riċessjoni li kabret pajjiżi li huma ferm akbar minna.

“Nippreferi nagħmel ħafna aktar xogħol għax naf li se jinħoloq ħafna aktar ġid”

Mistoqsi dwar il-ħidma ta’ dan il-Gvern matul il-pandemija, il-Ministru qal li din kienet sitwazzjoni ġdida għal kulħadd madwar id-dinja. Fakkar li l-ewwel ħames każi konfermati f’pajjiżna kienu xokk kbir minħabba li ma konniex nafu xi jsarraf il-virus u kemm kapaċi jagħmel ħsara jew x’rata ta’ fatalità għandu. Schembri qal li dan mhuwiex Gvern supperv u kapaċi jisma’ u jemmen li qatt ma tista’ tagħmel kollox tajjeb. Fl-opinjoni tiegħu minkejja li fl-ewwel xhur kellek ħafna nies li kienu qegħdin jimbuttaw għal lockdown, dan il-gvern wara li poġġa fuq il-mejda biex jiddiskuti għażel li ma jmurx f’dak l-estrem. Huwa qabbel lil pajjiżna ma’ pajjiżi oħrajn li ċedew għal din il-pressjoni u li spiċċaw b’ekonomija li tinsab għarkuptejha. Huwa qal li l-unika tama li għandek biex ma tiżbaljax huwa li ma tagħmel xejn iżda bħala Ministru li jisma’, jagħżel li jaħdem kemm jiflaħ anke jekk hemm possibbilità akbar li se tiżbalja, għax b’ħafna aktar ħidma se jkun qiegħed jinħoloq ħafna aktar ġid. Schembri għamilha ċara li l-isfidi qegħdin hemm u se jibqgħu hemmhekk, b’aktar setturi li se jispiċċaw milqutin ħafna aktar minn oħrajn. Eżempju ċar ta’ dan huwa s-settur tat-Turiżmu li għandu quddiemu sfidi kbar li għad iridu jiġu indirizzati.

“Kellna pressjoni kbira għal lockdown li kien se jwassal għall-għeluq ta’ kumpaniji”

Statistika li titratta pajjiżi ġirien tagħna bħalma huwa l-Italja tindika li matul l-2020 kien hemm mal-50 persuna fis-siegħa li kienu qed jispiċċaw qiegħda, fosthom minħabba l-għeluq ta’ diversi kumpaniji, u nuqqas ta’ likwidità. Meta mitlub jikkumenta dwar dan fir-rigward ta’ pajjiżna, il-Ministru qal li dan juri sitwazzjoni pjuttost normali. Għamilha ċara li hemm kumpaniji li qegħdin f’diffikultajiet, iżda bil-miżuri li nħarġu fl-aħħar xhur tnaqqsu ħafna t-tbatijiet tagħhom. Fakkar dwar il-miżura tar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji kollha, “xi ħaġa li n-Nazzjonalisti kienu qalu li kienet xi ħaġa li ma setgħetx issir, spiża li swiet il-pajjiż €80 miljun”, tenna l-Ministru. Tkellem dwar l-għajnuna f’wage supplements li tiswa’ lill-gvern mal-€40 miljun fix-xahar fost injezzjoni qawwija ta’ likwidità li ilha għaddejja għal numru ta’ xhur.

“L-awtoritajiet tas-saħħa kellhom blank cheque biex jinġieb kulma kien hemm bżonn fl-aspett ta’ saħħa”

Il-Gvern Malti jemmen li ekomomija b’saħħita ma tistax issir mingħajr poplu b’saħħtu u viċiversa. Mistoqsi dwar kalkolu tal-ispiża fil-qasam tas-saħħa fl-aħħar xhur, Schembri qal li l-awtoritajiet tas-saħħa mill-aspett finanzjarju ngħataw kull ħaġa li kien hemm bżonn għax bħala Gvern jemmen li l-aspett tas-saħħa huwa kruċjali. L-ispiża żdidet b’mod esaġerat fosthom b’żieda fl-istaff, ftuħ ta’ ċentri ġodda mil-lum għall-għada u fuq kollox l-ordni tal-vaċċin li għal wieħed ġew ordnati sensiela ta’ vaċċini li la jiġu approvati pajjiżna se jkun minn ta’ quddiem nett li jirċievi dawn il-konsenji kif imwiegħed bi ftehim. 

“Pajjiżna jrid iħares lejn id-diġitalizzazzjoni tal-operat tiegħu”

Fix-xhur li għaddew l-ekonomija diġitali fuq skala dinjija rreġistrat tkabbir sinjifikanti. Rapport partikolari minn Netcomm Suisse u l-UNCTAD saħansitra jgħid li l-pandemija se tkun qed tbiddel il-mod ta’ kif joperaw in-negozji fuq livell ta’ retail, u anke l-mod kif isir il-kummerċ internazzjonali. Mistoqsi dwar jekk jaħsibx li n-negozji Maltin huma preparati għal din il-bidla, il-Ministru wieġeb li fil-fehma tiegħu qatt ma tista’ tkun preparat biżżejjed. Huwa qal li l-ekonomija diġitali hija t-triq il-quddiem. Huwa qal li l-mod ta’ kif konna noperaw fil-passat anke bi profitti kbar se jibqa’ validu. Żied jgħid li minkejja ċ-ċokon tagħna għandna potenzjal li nkabbru u b’hekk jemmen li l-futur huwa li mmorru lejn dinja aktar diġitali. Huwa jemmen li ħanut li mhuwiex se jkun qiegħed jinvesti f’teknoloġiji biex jitfa’ l-prodotti tiegħu online se jkun qiegħed ibati għax illum il-ġurnata ħafna mix-xiri jsir online.

Il-Gvern hawnhekk għen permezz tal-Buisness Re-engineering Scheme fejn qegħdin jitħallsu konsulenti biex janalizzaw il-metodi ta’ kif jopera negozju u jissuġġerilu kif jista’ joperaw billi jdaħħal teknoloġiji ġodda. Il-Ministru sostna li dawn huma affarijiet li jridu jsiru parti mill-ħajja normali ta’ kuljum ta’ kif isir in-negozju.

“Għandek setturi li se jibqgħu bżonn l-għajnuna tal-gvern minkejja li din ma tistax titqies bħala infinita”

Il-Ministru għall-Ekonomija qal li l-għajnuna tal-gvern ma tistax tibqa’ titqies bħala xi ħaġa infinità, minkejja dan huwa żgur li għandek setturi bħalma huma setturi tat-Turiżmu u l-Entertainment li se jkollhom bżonn aktar għajnuna. Qal li din ma jfissirx li se tkun qiegħda tingħata fil-forma ta’ wage suppliment u għalhekk għaddejja diskussjoni bejn il-Ministeru tat-Turiżmu u l-istakeholders biex jiġu mħarsa l-aħjar interessi tagħhom.

Il-Ministru huwa tal-fehma li l-mentalità trid tinbidel. Dan ifisser li fi żmien il-pandemija minħabba l-inċertezza, kellek negozji li ssalvagwardjaw dak li kellhom u b’hekk tnaqqsu l-ispejjeż hekk meqjusa żejda biex dan isir. Schembri spjega li wara Marzu n-negozji jridu jbiddlu l-perspettiva tagħhom u eventwalment l-linja tal-ħsieb terġa’ tħares lejn investimenti. Spjega li l-iskema tal-vouchers kellha żewġ għanijiet prinċipali; l-għan soċjali ta’ għotja ta’ €100 lil kull individwu li għandu ’l fuq minn 16-il sena u l-stimolu ekonomiku li minn meta jinħarġu t-tieni sett ta’ vouchers se jkollok setturi li se jerġgħu jibdew isibu saqajhom. Minkejja dan għamilha ċara li l-ekonomija tagħna bħala pajjiż mhijiex ibbażata biss fuq il-vouchers. Huwa qal li l-gvern kien ikun aktar popolari kieku tqassam cheque, iżda l-statistika turi li d-depożiti żdiedu b’disa’ darbiet matul il-pandemija. Spjega li dan ifisser li flus fil-bwiet hemm u b’hekk il-vouchers qed jgħinu biex terġa’ tinkiseb il-kunfidenza biex il-poplu jerġa’ jibda joħroġ.

“Pajjiżna għadu jitqies bħala pajjiż li avvanza ħafna fis-settur tal-blockchain”

Rigward il-blockchain, Schembri qal li pajjiżna kien fost l-ewwel fid-dinja li beda jitkellem dwaru u li dan huwa settur relattivament ġdid. Huwa qal li settur li qed jimmattura jieħu ż-żmien tiegħu u li ma nistgħux inħalltu t-teknoloġija mal-użu tagħha. Il-Ministru spjega bl-eżempju tal-Cryptocurrencies li dan sentejn ilu kien għaddej minn boom sakemm sitt xhur ilu qala’ daqqa ’l isfel. Fakkar dwar l-hekk imsejħa .com fejn kien hemm perjodu li fih kien hemm ħafna li investew fil-websajts bl-ewwel sentejn li wkoll kienu boom. Wara kien hemm perjodu li ra ħafna kumpaniji jfallu sakemm illum huwa fattwali li kważi kollox jinsab online. Huwa qal li l-istess mistenni jiġri fis-settur tal-blockchain fejn minkejja li huwa suq riskjuż, huwa suq għalih u b’hekk jieħu ż-żmien biex jimmatura. 

Il-Ministru uża s-settur tal-gaming bħala mudell f’dan ir-rgward. Settur li skontu beda minn żerriegħa li bdiet bl-ewwel sentejn fejn ma kellux is-suċċess li għandu llum. Qal li din iż-żerriegħa tieħu ż-żmien tagħha, iżda biex tikber trid tieħu ħsiebha biex tikber f’siġra li tħalli l-frott. Eżempju ieħor kienet it-tkabbir tal-Kannabis għall-użu mediċinali li bħala pajjiż ilu jaħdem fuqha għal dawn l-aħħar tliet snin u li kien proprju riċentament li ħarġet l-ewwel liċenzja. Huwa ħabbar li hemm erba’ kumpaniji oħra li għaddejjin bil-ħidma tal-kostruzzjoni tal-fabbrika tagħhom biex jibdew joperaw.

Il-Ministru qal li bħala gvern jemmen ħafna f’dawn is-setturi u b’hekk se jkun qiegħed jieħu ħsieb din iż-żerriegħa biex ikompli jsostnihom. Fil-fehma tiegħu s-sena li għaddiet kien hemm fatturi li ma għenux biex jitkompla r-ritmu li kien inqabad. Tkellem dwar l-isfidi li kellha taffaċċja l-MFSA bħalma huma l-MONEYVAL u affarijiet oħrajn li setgħu affettwaw setturi li jitqiesu fuq livell internazzjonali bħala riskjużi u għalhekk meta tkun f’nofs eżami bħalma huwa l-MONEYVAL tifhem li se jkollok ċertu kawtela. Minkejja dan il-Ministru jemmen li pajjiżna fejn jidħol il-kunċett ta’ blockchain għadna meqjusin bħala pajjiż li avvanza ħafna u bħala gvern qed jerġa’ jara li tintefa’ l-grinta u l-importanza li jixraq lil dan is-settur ukoll.

Share With: