“Ejja ma nillaxkawx” … Iħeġġeġ lin-nies jibqgħu josservaw ir-regoli speċjalment fi żmien il-Karnival

Il-Prim Ministru Robert Abela ħeġġeġ lill-poplu biex jibqa’ josserva l-miżuri b’rabta mal-pandemija, inkluż fi żmien il-Karnival, minkejja li jifhem li qed jinħass dak li sejjaħ bħala “Covid fatigue”.

Huwa għamel dan l-appell fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista waqt li kien qed jindirizza l-attività politika ta’ kull nhar ta’ Ħadd filgħodu.

Abela sostna li ż-żmien li qed ngħixu fih huwa kruċjali u għalkemm jifhem li l-poplu ilu jintalab jagħmel is-sagriffiċċji jeħtieġ nevitaw li għal ftit sigħat  divertiment nitfgħu lill-pajjiż għal dak li għadda minnu f’Diċembru u Jannar.

Il-Mexxej Laburista reġa’ warrab ix-xnigħat dwar elezzjoni ġenerali bikrija u sostna li jkun żball jekk noqgħodu nitkellmu dwarha.

Huwa sostna li se jħalli lil ħaddieħor jitkellem dwarha mentri l-Gvern se jkompli jiffoka fuq it-tmexxija tiegħu.

Abela irrefera wkoll għall-wasla tal-vaċċin tal-Astra Zeneca fejn semma kif dan se jwassal biex it-tilqim se jkun antiċipat b’ġimagħtejn.

Fil-fatt huwa semma kif minn din il-ġimgħa l-persuni vulnerabbli se jibdew jirċievu l-ittra għal meta se jieħdu t-tilqima f’Marzu.

Abela irrimarka kif waqt li ħaddieħor jgħid li Malta hija l-agħar fl-Ewropa fejn jidħol it-tilqim l-istatistika turi li hija l-aqwa meta nikkunsidraw il-popolazzjoni.

Huwa tenna wkoll kif meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej is-sitwazzjoni f’Malta hija ħafna aħjar.

Il-parti l-kbira tad-diskors tiegħu kien elenku tal-ħidma li l-Gvern wettaq matul dawn l-aħħar xhur karatterizzati mill-pandemija b’Abela jisħaq li flok mexa b’awsterità il-Gvern baqa’ jinvesti fin-nies.

Huwa fakkar kif waqt il-kriżi ekonomija li laqtet lid-dinja fi żmien Gvern Nazzjonalista immexxi minn Lawrence Gonzi kienu ttieħdu 50 jum leave lil-poplu,

B’kuntrast, fi żmien l-ikbar kriżi fis-saħħa u l-ekonomija li qatt rat id-dinja l-Gvern Laburista għamel il-kontra u investa fin-nies b’għajnuna kemm liċ-ċittadini kif ukoll lin-negozji.

Fost il-ħidma li qed iwettaq il-Gvern, u li semma Abela, kien hemm dik fil-qasam tal-housing fejn irrefera għall-proġetti li għaddejjin u qal li l-Awtorita tad-Djar qed issegwi lil dawk li qed jiffaċċjaw proċeduri ta’ żgumbrament.

Huwa irrefera wkoll għall-qasam tal-ġustizzja fejn ikkonferma li daqt jinħatru erba’ imħallfin u erba’ maġistrati ġodda, b’investiment ta’ €2 miljun fis-sena li fissirhom bħala “money well spent”, u nsista li l-pajjiż għandu sfidi li jrid jegħleb fosthom tal-Moneyval.

Abela semma wkoll l-għajnuna li l-Gvern qed jagħti lill-anzjani fosthom lil dawk li ma kienux ħallsu biżżejjed bolol biex ikollhom pensjoni u anke lill-vulnerabbli fejn irrefera għall-proġett ta’ €2 miljun fi blokka f’San Vinċnez de Pauel fejn jgħixu persuni b’dipendenza fit-tul li għandhom bejn 18 u 59 sena.

Huwa insista li l-Gvern se jibqa’ jsostni lill-poplu sakemm ikun hemm bżonn grazzi anke għall-fatt li matul is-snin il-pajjiż ġemma ħalli jkollu flus għal meta tinqala’ xi ħaġa kif fil-fatt ġara.

Fid-diskors tiegħu Abela sostna wkoll li waqt li rridu nżommu saqajna mal-art jeħtieġ inkunu preparati biex meta s-sitwazzjoni tirritorna għan-normal il-pajjiż ikun jista’ jaħtaf l-opportunitajiet kbar li ġejjin.

Huwa għadda botta wkoll lejn il-PN fejn semma kif waqt li jilqa’ is-suġġerimenti tagħha, anke jekk mhux tgħaddihom, Abela nsista li l-politika tal-PL hija mfassla fuq dak li jeħtieġu n-nies u mhux minn xi “kardinal mill-Imdina”.

Din l-istqarrija kienet referenza għall-istorja li żvelaw il-mezzi tax-xandir tal-PL fejn jingħad li Richard Cachia Caruna qed jerġa’ jinvolvi ruħu fl-istrateġija tal-partit kif kien jagħmel fi żmien Eddie Fenech Adami.

Share With: