eCabs fi triqitha biex tkun 100% sostenibbli sal-2025

Il-kumpanija ta’ mobilità eCabs bdiet proġett ambizzjuż biex sal-2025, il-vetturi kollha tagħha jkunu  bl-elettriku. L-inizjattiva tħabbret mill-Kap Eżekuttiv Matthew Bezzina fil-preżenza tal-Ministru  għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli. 

Il-Ministru Dalli laqgħet dan l-investiment bħala sinjal b’saħħtu mis-settur privat li jrid ikollu sehem  mill-viżjoni tal-gvern biex l-ekonomija tkun mingħajr karbonju sal-2050. 

“Is-settur privat se jsib lill-gvern miegħu waqt din it-tranżizzjoni lejn ekonomija iżjed sostenibbli. Il ministeru tiegħi, flimkien ma’ entitajiet governattivi oħra, qed jaħdmu ħafna fuq strateġija ħolistika  li għandha tinkoraġġixxi l-użu ta’ vetturi bla emissjonijiet,” qalet il-Ministru Dalli. 

Hija spjegat li jekk is-settur privat ikompli f’din it-triq, dan għandu jgħin lil Malta tilħaq il-miri  tagħha. “Nistgħu nilħqu l-miri nazzjonali biss jekk kulħadd ikun magħna f’din il-viżjoni. Il-gvern qed  jagħmel il-parti tiegħu sabiex iħeġġeġ u jiffaċilita l-użu ta’ mezzi li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent,  kemm minn aspett finanzjarju u minn dak ta’ loġistika.” 

Filwaqt li laqa’ l-impenn tal-gvern, is-Sur Bezzina żied jgħid, “Il-proġett biex il-flotta tagħna tkun  kollha tal-elettriku u li ninstallaw l-infrastruttura neċessarja, se jinvolvi investiment sostanzjali minn  eCabs, li jitlob l-istess impenn mill-gvern li jiżgura li jkun hemm l-infrastruttura neċessarja li tkun ta’  sostenn għall-mobilità elettrika. Din l-għajnuna b’risq il-viżjoni tagħna hija waħda li qed nilqgħuha  u li tinkoraġġina.” 

Il-proċess ta’ elettrifikazzjoni beda bit-tnedija ta’ numru ta’ vetturi kollha kemm huma elettriċi  fosthom mudelli minn KIA, Hyundai u Citroen li qed jingħaqdu mal-vetturi ibridi eżistenti fil-flotta  eCabs. 

Is-Sur Bezzina kompla jispjega kif qed jara ħafna elementi pożittivi mis-sagrifiċċji li ħafna kellhom  isofru fl-2020. “Ir-restrizzjonijiet matul il-lockdown tas-sena l-oħra wassal għal taqlib kbir fl industrija tagħna, iżda fuq nota aktar pożittiva, inqas traffiku kien ifisser ukoll inqas tniġġis tal-arja u  arja iktar nadifa għal kulħadd. Il-pajjiż, għalkemm kien qisu abbandunat, kien iktar abitabbli milli  qatt kien għal żmien twil. Dan kompla jikkonferma d-determinazzjoni tagħna biex insaħħu l-viżjoni  kontinwa biex insiru aktar sostenibbli u ispirat l-inizjattiva tagħna eCabs Greener Future,” iddikjara  Matthew Bezzina.

“Qed infittxu li jkollna operat aktar sostenibbli u nadif f’dak kollu li nagħmlu, fosthom l-iżvilupp li  se nkunu qed inwettqu fl-ispazji ġodda tagħna kif ukoll fil-qafas sostenibbli li qed infasslu li jinkludi  inċentivi u għajnuniet lill-partner drivers tagħna sabiex jaqsmu magħna din il-viżjoni,” żied is-Sur  Bezzina. 

Flimkien ma’ dan u bħala parti minn dan l-impenn, eCabs se tkun qed tniedi wkoll skema ta’ inċentivi  għall-partner drivers tagħha sabiex jinvestu f’vetturi elettriċi jew hybrids kif ukoll mudell finanzjarju  mtejjeb u frameworks oħra. 

Tard is-sena l-oħra, eCabs nediet b’mod uffiċjali l-inizjattiva tagħha ta’ Partner Drivers wara li l gvern kien ħabbar ir-riforma tal-Public Service Garage. L-inizjattiva toffri lil kull sewwieq li huwa  self-employed l-opportunità li jekk irid, jaħdem mal-akbar kumpanija ta’ mobilità f’Malta b’mod  mhux esklussiv u b’mod li kull sewwieq ikun jista’ jkabbar id-dħul tiegħu, speċjalment fiż-żmien  diffiċli ta’ bħalissa.

Share With: