€79,964 għal ħaddiem li daħlitlu ħadida f’għajnu

Imħallef ordnat kumpanija biex tagħti €79,964 lil ħaddiem wara li żammitha responsabbli ta’ inċident fuq il-post tax-xogħol li fih biċċa ħadida daħlitlu f’għajnu.

Anthony Dalli fetaħ il-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-F.S. Engineering and Plastics Limited b’rabta mal-inċident li kien seħħ fit-28 ta’ Mejju 2013 fil-fabbrika fil-Marsa fejn il-kumpanija tipproduċi prodotti magħmulin mill-plastik.

Mill-provi mressqa quddiem l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri rriżulta li Dalli kien qed jaħdem fuq magna meta din żviluppat xi ħsara u waqt li kien qed jipprova jirranġaha bl-użu ta’ martell biċċa ħadida taret u daħlet f’għajnu anke.

Dalli lmenta li l-kumpanija ma provditlux nuċċali protettiv ġdid flok dak li kellu qabel u li ma kienx għadu tajjeb madankollu l-kumpanija sostniet li dan ma kienx minnu u ipprovdiet it-tagħmir protettiv meħtieġ.

L-imsemmija mħallef tat raġun lil Dalli meta qalet li l-kumpanija ma ipprovditlux in-nuċċali protettiv imma sostniet ukoll li kellu tort għax missu irrealizza li meta se jagħti bil-martell fuq il-ħadid xi biċċa setgħet taret f’għajnu kif ġara.

Kien għalhekk li waqt li tat lill-kumpanija 90% tat-tort u lil Dalli 10% tort, meta ġiet biex taħdem l-ammont tal-kumpens qieset li sofra diżabilità permanenti ta’ 15% u li kellu 30 sena meta seħħ l-inċident u ordnat lill-kumpanija tagħtih kważi €80,000 f’kumpens.

Share With: