€7,350 kumpens għal koppja minħabba siġar tal-ġirien

Imħallef ordna koppja mill-Kalkara biex tagħti €7,350 lill-koppja ġara wara li żammha responsabbli tal-ħsarat li sofriet f’darha minħabba numru ta’ siġar.

Christopher u Kirste Naudi fetħu l-kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra David u Domenique Inglott fejn ilmentaw li dawn ħawlu numru ta’ siġar viċin wisq tal-villa fejn joqgħodu fi Triq Wied Għollieqa, f’Sam Ġwann.

Huma sostnew li l-imsemmija siġar qed jikkawżaw ħsarat strutturali f’darhom fosthom għax daħlu fil-katusi waqt li l-weraq li jaqgħu minnhom qed isoddu l-filters tal-pixxina kif ukoll li waħda mis-siġar qed tmiss mal-cables tad-dawl u qed tikkawża periklu.

Min-naħa tagħha, il-koppja Inglott ċaħdet li s-siġar qed jikkawżaw ħsara fil-villa tal-koppja Naudi.

Wara li sema liż-żewġ naħat, kif ukoll periti nkluż dawk imqabbdin minnu l-Imħallef Lawrence Mintoff ta raġun lill-koppja Naudi u ikkonkluda li verament li l-għeruq tas-siġar ikkawżaw ħsara f’darhom.

Minbarra li ordna lill-koppja Inglott tagħti l-imsemmi kumpens, l-istess imħallef ordnalha wkoll tneħħi s-siġar li jinsabu f’distanza mhux skont il-liġi u l-‘hoist’ li qed jikkawża inkonvenjent.

Huwa ordnalha wkoll tiżbor is-siġra li l-friegħi tagħha qed imissu mal-cables tad-dawl u wissiha li jekk ma tagħmilx dan ix-xogħol se jsir taħt id-direzzjoni ta’ perit u jkollhom iħallsu tal-ispejjeż.

Share With: