€7,240 għal ħaddiem li waqa’ f’bokka ta’ ġiebja

Il-kumpanija Wasteserv ġiet ordnata tagħti kumpens ta’ €7,240 lil ħaddiem li weġġa’ fl-impjant li għandha f’Għawdex.

Benigno Vella, magħruf bħala Benny, weġġa’ fl-impjant f’Tal-Kus, limiti tax-Xewkija, f’inċident li seħħ fit-22 ta’ Ottubru 2015.

Huwa waqa minn għoli ta’ madwar tliet sulari ġo ġiebja u kellu jittella minn ġo fiha minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Vella sofra ġrieħi f’siequ x-xellugija u fetaħ kawża fil-Qorti t’Għawdex kontra l-kumpanija għax żammha responsabbli tal-inċident.

Quddiem il-Maġistrat Simone Grech irriżulta li għalkemm kienu jieħu l-paga mingħand l-kumpanija JF Services Limited xogħlu kien mal-Wasteserv.

Mill-provi rriżulta wkoll li huwa kien qed jimbotta xi skart bil-gaffa meta waqa’ fil-bokka tal-ġibjun.

Il-Maġistrat Grech ikkonkludiet li l-kumpanija ma ħaditx il-miżuri neċessarji biex tipprovdi ambjent sikur għall-ħaddiema.

Fl-istess waqt sostniet li l-ħaddiema kellhom obbligu bil-liġi li joqgħodu attenti milli jpoġġu lilhom infushom f’periklu.

Kien għalhekk li tat 90% tat-tort lill-Wasteserv u 10% lil Vella u meta ġiet biex taħdem l-ammont tal-kumpens qieset li kellu 58 sena u sofra diżabilità ta’ 5%.

Dan wassalha biex tordna lill-Wasteserv tagħtih kumpens ta’ €7,240 għall-ġrieħi li sofra madwar ħames snin ilu.

Share With: