€7 miljun f’tisbiħ ta’ Housing Estates

Minn claudio Coleiro

F’dawn l-aħħar tliet snin, l-Awtorità tad-Djar nefqet madwar €7 miljun biex tirranġa numru ta’ appartamenti li jintużaw għal skopijiet soċjali fosthom Housing Estates. Dan filwaqt li hija qed tibni 1,700 appartament ġdid għal dawk li jsibuha diffiċli biex jixtru jew jikru bi prezz tas-suq.

Ħafna mill-blokok ta’ appartamenti li fuqhom qed isir xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni ilhom mibnija diversi snin, b’uħud minnhom imorru lura madwar 50 sena. Dan l-investiment jikkonsisti f’tisbiħ tal-faċċati, manutenzjoni tal-bjut u titjib ġenerali fil-partijiet tal-komun fost oħrajn. 

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega ma’ dan il-ġurnal kif il-Gvern intervjena biex jassigura li dawn l-appartamenti jingħataw dehra li tixraq għall-benefiċċju tal-familji li jgħixu fihom.

“Infaqna €7 miljun madwar il-pajjiż fuq tliet snin. Sibna sitwazzjoni fejn għandek l-appartamenti tal-Gvern l-antiki li kien ilhom ma jaraw ftit manutenzjoni sa minn meta kienu mibnija,” tenna l-Ministru Galdes.

Huwa stqarr li kien dan il-Gvern li reġa’ ħoloq il-unit tal-manutenzjoni fi ħdan l-Awtorità tad-Djar biex b’hekk isir investiment f’dawn il-housing estates biex jibqgħu fi stat tajjeb u jkun hemm manutenzjoni kontinwa fuqhom. 

Il-Ministru Galdes temm jgħid li għal din is-sena hemm ippjanat li jsir xogħol fuq 50 blokok oħra ta’ appartamenti, li d-dettalji dwarhom mistennija jitħabbru fil-ġimgħat li ġejjin.

Share With: