€63,800 f’kumpens għal żewġ ħaddiema li tkeċċew inġustament

Il-ħaddiema kienu assistiti matul il-kawża mill-GWU

Żewġ ħaddiema li tkeċċew minn kumpanija se jingħataw €63,800 f’kumpens bejniethom wara li t-Tribunal Industrijali ikkonkluda li t-tkeċċija tagħhom kienet inġusta.

Luciano Callus u Kevin Deguara irrikorrew għand il-GWU biex tirrappreżentahom fil-kawża li fetħu kontra l-kumpanija Trelleborg Sealing Solutions Malta Limited.

Matul il-kors tal-kawża huma kienu assistiti mill-Avukat Abigail Critien mill-Uffiċċju Legali tal-GWU immexxi mill-Avukat Aron Mifsud Bonnici mentri għall-kumpanija dehret l-Avukat Veronica Galea Debono.

Mill-provi li tressqu quddiem it-Tribunal Industrijali, presedut minn Harold Walls, irriżulta li waqt li Callus tkeċċa fit-13 ta’ Frar 2012 Deguara twaqqaf mill-impjieg l-għada.

Il-Qorti tal-Appell kienet laqgħet l-appell li ressqet il-GWU u reġgħet bagħtet l-atti lura quddiem it-Tribunal Industrijali biex jagħti lill-ħaddiema rimedju skont il-liġi talli “tkeċċa inġustament mill-impjeg.”

Wara li ħa konsiderazzjoni tas-sentenza mogħtija mill-Imħallef Ellul, it-Tribunal Industrijali presedut minn Walls ordna lill-kumpanija biex tagħti kumpens ta’ €22,300 lil Deguara u €41,500 lil Callus.

Share With: