€250,000 għall-iskema ta’ restawr ta’ postijiet storiċ

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ħabbar li għas-sitt sena konsekuttiva, il-Ministeru, permezz tad-Direttorat tar-Restawr u d-Direttorat għall-Gvern Lokali, reġgħu ħarġu l-Iskema ta’ Restawr ta’ postijiet storiċi għall-Kunsilli Lokali f’Malta.

Il-Ministru ħabbar dan ġewwa l-Imqabba fejn kien qed iżur ix-xogħlijiet ta’ restawr li għaddejin fuq il-Kappella ta’ Santa Katerina fejn il-Kunsill Lokali tal-Imqabba kien ibbenefika minn din l-iskema meta applika għal dan il-proġett ta’ restawr.

Is-Sindku tal-Imqabba Omar Farrugia sostna li b’kollaborazzjoni mal-Gvern Ċentrali qed ssir ħidma u investiment bla preċedent għar-riġenerazzjoni tal-lokalità. Huwa kompla billi qal li permezz tar-restawr ta’ din il-kappella, li għandha wirt storiku, ser tkompli tiġi ppreservata l-identità tal-Imqabba sabiex din tkompli titgawda mill-komunità u minn ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Ministru Herrera spjega li l-kunsilli lokali f’Malta jistgħu japplikaw għar-restawr ta’ binjiet jew monumenti immobbli ta’ valur artistiku jew storiku li jinsabu fil-lokalità tagħhom. Din is-sena ser jintgħażlu 5 proġetti sa massimu ta’ €50,000 għal kull proġett. Mill-bidu ta’ din l-iskema tlestew 22 proġett ta’ restawr, filwaqt li għaddej xogħol fuq 8 proġetti oħra.

Il-Ministru kkonkluda billi ħeġġeġ lill-kunsilli lokali sabiex japplikaw għal din l-iskema, u enfasizza l-importanza li nippreservaw il-karattru tal-lokalitajiet u l-ibliet tagħna għall-ġid tal-komunitajiet tagħna.

Share With: