€24.3 miljun f’multi b’rabta mal-gaming

Fl-ewwel sitt tas-sena li għaddiet l-Awtorità Maltija għal-Logħob (MGA) ħarġet €24.3 miljun f’multi lil kumpaniji li ma mxewx mar-regoli waqt li tat il-liċenzja lil 40 kumpanija ġdida.

Dan ħareġ waqt żjara li l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri għamel fl-uffiċini tal-MGA fi Smart City fejn ġie ippreżentat ir-rapport interim dwar il-ħidma tagħha bejn Jannar u Ġunju 2020.

Fl-imsemmi perjodu l-MGA ħadet azzjoni kontra 11-il reklam u promozzjoni li tqiesu li qed jagħmel sfruttament mill-pandemija fejn issospendiet żewġ liċenzji, ikkanċellat sebgħa oħra u ħarġet disa’ multi amministrattivi.

Schembri faħħar il-ħidma li wettqet l-MGA, fosthom it-833 test biex tiġi miġġielda attività kriminali, u irrimarka kif il-kumpaniji tal-logħob komplew jiżdiedu hekk kif inħarġu 40 liċenzja ġdida.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MGA Carl Brincat sostna li għalkemm l-industrija iffaċċjat sfidi kbar fl-ewwel sitt xhur tal-2020 l-introduzzjoni ta’ swieq ġodda għen biex dan l-impatt negattiv tnaqqas.

Share With: