€2,000 kumpens eks-kanvasser ta’ John Dalli

Dak li kien kanvasser tal-eks-Ministru Nazzjonalista John Dalli rebaħ kumpens ta’ €2,000 wara li l-prosekuzzjoni għadha m’għalqitx il-provi tagħha  f’każ kontrih.

Silvio Zammit tressaq fil-Qorti tal-Maġistrati mixli li meta kien jaħdem ma’ Dalli fil-perjodu li dan kien Kummissarju Ewropew għas-Saħħa ipprova jieħu flus mingħand kumpanija tat-tabakk Żvediża biex jinfluwenza tibdil fil-liġi ħalli prodott tagħha ma jibqax illegali fl-UE.

Il-każ tal-prosekuzzjoni jserraħ fuq ċertu Inge Delfosse li allegatament irrekordjat telefonata li kellha bl-Avukat Ġenerali jitlob li jittieħed kampjun ta’ leħen Zammit biex isir paragun mar-‘recording’ li għamlet.

Delfosse ma ġietx Malta biex tixhed għax beżgħet li tinkrimina ruħha u kien għalhekk li l-prosekuzzjoni baqgħet m’għalqitx il-provi tagħha għax qed tittama li tiġi.

Min-naħa tiegħu Zammit, li għamel żmien Viċi Sindku Nazzjonalista f’Tas-Sliema, baqa’ jirrifjuta li jagħti kampjun ta’ leħnu għax qal li dan jikser id-dritt tas-silenzju.

Huwa fetaħ kawża fil-Qorti Kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali fejn ilmenta minn dan id-dewmien u talab kumpens.

Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul tawh raġun u ordnaw lill-Avukat Ġenerali biex jagħtih €2,000 f’kumpens għal dawn id-dewmien.

Dan il-każ wassal biex il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jose Barroso keċċa lil Dalli mill-kariga minkejja li dan baqa’ jiċħad li kien involut.

Share With: