91% tal-frontliners jieħdu t-tilqima

Mill-Parlament irriżulta li sa issa f’pajjiżna hawn disa’ fil-mija tal-frontliners li għadhom ma ħadux it-tilqima. Kienet id-Deputata Nazzjonalista Maria Deguara, li talbet li l-Gvern jagħti l-informazzjoni dwar kemm kien hemm frontliners li ma ħadux it-tilqima. Hi talbiet li jingħad il-grad tagħhom, jekk hux tobba, nurses, physiotherapists, carers u oħrajn.

Il-Viċi Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Dr Chris Fearne wieġeb li “minn dawk eliġibbli, 91 % tal-frontliners mediċi aċċettaw u fil-fatt ħadu l-vaċċin tal-Covid-19. Hemm diversi frontliners li ma ħadux dan il-vaċċin minħabba raġunijiet mediċi u oħrajn li għadhom ma kkonfermawx jekk hux se jkunu qed jieħdu dan il-vaċċin”.

Fi tweġiba oħra, il-Ministru Fearne qal li “l-gvern qiegħed joffri it-tilqima kontra l-COVID-19 fuq bażi volontarja, inkluż għall-professjonisti tas-saħħa inkluż dawk li jaħdmu mal-pazjenti jew ma residenti fi djar tal-anzjani . Huwa ta’ sodisfazzjoni li l-maġġoranza l-kbira ta dawn il-professjonisti diġà ġew biex jitlaqqmu. Dawk li s’issa ma tlaqqmux ovvjament se jkomplu jaħdmu bħal qabel għaliex il-protokolli ta’ infection control huwa effettivi biex jevitaw tixrid tal-infezzjoni. Madanakollu l-opportunita’ tibqa hemm għalihom biex jieħdu t-tilqima.”

Share With: