Dawk li jitlaqqmu u jħossu xi sintomi xorta għandhom jiġu ttestjati

Il-Proċess ta’ tilqim

L-ewwel cohort wasal biex jingħalaq. Dawn huma persuni li jaħdmu f’setturi kliniċi, djar tal-anzjani u l-istaff li jaħdmu magħhom u l-anzjani ta’ ’l fuq minn 80 sena.

Miexi b’rittmu tajjeb ħafna wkoll il-proċess tat-tilqim fit-tieni cohort li jinkludi l-anzjani ta’ bejn it-80 sena u l-85 sena. Il-Professur tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci appellat biex min minn dawn l-anzjani ma ġex avviċinat iċempel fuq il-linja tal-145.

Bdew jitlaqqmu wkoll il-frontliners l-oħra li mhumiex kliniċi u fost dawn jinkludu Pulizija, Forzi Armati, uffiċjali fil-Protezzjoni Ċivili u oħrajn.

Gauci spjegat dwar it-tielet cohort u li fl-aħħar jiem kkonfermat dwar il-kobor ta’ dan il-grupp li fih jinkludi persuni vulnerabbli. Hija spjegat li hemm ċertu kriterji ta’ kif dawn il-persuni qegħdin jitlaqqmu f’ordni skont il-kundizzjonijiet tagħhom.

Spjegat li minn din il-ġimgħa beda jitlaqqam dan il-grupp ta’ nies vulnerabbli li qed jitlaqqmu f’Mater Dei. Kundizzjonijiet mediċi bħalma huma dijabete dipendenti fuq l-insulina, dawk li għadhom immunità baxxa, pazjenti li għandhom il-kanċer u għaddejjin fuq il-kimoterapija, pazjenti li kellhom kimoterapija f’dawn l-aħħar sitt xhur qed jitiqeisu f’dawn il-grupp, pazjenti bid-dijalisi, pazjenti li jidħlu l-isptar minħabba li għandhom problemi respiratorji, nies li jbatu b’mard tal-qalb, u nies dawk li huma regolari fuq oral steroids huma fost dawn il-kundizzjonijiet.

Il-pazjenti rikoverati fl-isptarijiet qed jonqsu 

Gauci spjegat li n-numru ta’ persuni rikoverati fl-isptarijiet qed jonqos u skont l-aħħar statistika jidher li f’pajjiżna hawn 157 pazjent rikoverati kif indikat hawn taħt:

17-il persuna fl-ITU
10 persuni fl-IDU
48 persuna fi swali oħra fl-Isptar Mater Dei
Tmien persuni fl-Isptar Boffa
11-il persuna f’St Thomas
Seba’ persuni f’Karen Grech
39 persuna fil-Good Samaritan
13-il persuna f’Mount Carmel u 
Erba’ persuni fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex

Clusters

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci spjegat ukoll dwar il-clusters u li l-akbar minn dawn kien jinkludi persuni fl-istess residenzi, tlaqqigħ soċjali, postijiet tax-xogħol, istituzzjonijiet li jinkludu djar tal-anzjani u anke xi każijiet ta’ clusters żgħar minn istituzzjonijiet edukazzjonali bħalma huma childcare.

71 każ attiv f’Għawdex

Il-każi attivi huma maqsumin b’71 każ f’Għawdex u 2,330 każ f’Malta.

Ir-rata ta’ mortalità qiegħda tonqos

Gauci spjegat li l-maġġoranza tal-vittmi kienu jaqbżu s-74 sena u li din ir-rata qiegħda tkompli tonqos minħabba li dawn il-persuni qegħdin jiġu indirizzati bħala prijorità fil-proċess tat-tilqim.

L-ittestjar

Gauci appellat biex anke persuni li jitlaqqmu u li jħossu xi sintomi għandhom javviċinaw l-awtoritajiet biex issir evalwazzjoni aħjar u b’hekk xorta waħda nibqgħu naqbdu l-każi mill-bidu u b’hekk ma jibqax jinfirex il-virus.

Share With: