Clyde Caruana: “bħalissa l-ekonomija iktar importanti mid-defiċit”

Il-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana insista fil-Parlament li fis-sitwazzjoni preżenti huwa iktar importanti li niffukaw fuq l-ekonomija milli fuq id-defiċit u d-dejn.

Caruana beda biex semma kif il-pandemija se tnaqqas il-Prodott Gross Domestiku bejn sebgħa u disgħa fil-mija hekk kif id-dħul tal-Gvern mill-VAT naqas b’€450 miljun u dak mit-taxxa fuq id-dħul u dik li jħallsu l-kumpaniji b’€200 miljun.

Waqt li semma kif il-Gvern kien qed jistenna dan it-tnaqqis, Caruana nsista li mbilli jkollna defiċit ikbar bħalissa mhux se taqa’ id-dinja jew se tpoġġi l-finanzi tal-pajjiż f’qagħda mwiegħra.

Għalkemm għamilha ċara li xorta rridu nħarsu lejn id-defiċit u d-dejn huwa nsista li l-ewwel prijorità bħalissa trid tingħata lill-ekonomija għax inutli l-Gvern inaqqas id-defiċit jekk l-ekonomija togħtor.

Huwa fakkar kif meta fi żmien ir-riċessjoni ta’ madwar 10 snin ilu l-pajjiżi ħadu miżuri ta’ awsterità biex inaqqsu d-defiċit l-ekonomija ħadet bejn seba’ u disa’ snin biex tirpilja.

Caruana enfasizza li l-ikbar żball li nisgħu nagħmlu huwa li biex innaqqsu d-defiċit naqtgħu l-għajnuna lin-negozji għax fi ftit ġimgħat ikun hemm ħafna ħaddiema jispiċċaw bla xogħol.

Huwa kompla li jekk l-ekonomija ma tkunx produċenti d-dħul tal-Gvern mit-tassazzjoni, VAT, taxxa u bolla jonqsu u għalhekk il-pajjiż xorta jintlaqat ħażin.

Il-Ministru tal-Finanzi sostna li huwa fiduċjuż li meta l-magna ekonomija terġa’ tibda taħdem kif kienet id-defiċit u d-dejn tal-pajjiż jerġgħu jinżlu għal-livelli li kienu fl-aħħar snin.

Huwa fakkar kif bl-għajnuna li l-Gvern ta t-tbassir ta’ ċertu nies fil-bidu tal-pandemija li d-dejn se jitla’ għal bejn 40,000 u 50,000 persuna ma seħħx.

Waqt li iddeksriva d-defiċit tal-pajjiż bħala wieħed ċikliku u mhux strutturali, Caruana sostna li dan ifisser li meta l-ekonomija terġa’ tibda tiffunzjona kif kienet id-defiċit jerġa’ jiġi indirizzat.

Huwa innota li waqt li d-dejn tagħna se jkun qrib is-60% tal-PGD dak ta’ pajjiżi oħra huwa viċin il-100% tal-istess PGD u s-sitwazzjoni lokali ma tinkwetahx u żgur mhux se jasal fejn spiċċa ħaddieħor.

Caruana serraħ ras il-poplu li l-qagħda finanzjarja tal-Gvern hija waħda sostenibbli u tinsab kif inhi minħabba l-pandemija u mhux għal raġunijiet oħra li kieku jkun hemm għal xiex ninkwetaw.

Share With: