Bil-liġi l-annimali jridu jkunu jistgħu jiġu identifikati

Is-sidien ta’ klieb li ma jkollhomx l-ID Tag u ċ-ċippa jistgħu jeħlu €300 multa

Miktub minn Carmen Cachia           

Is-sidien ta’ annimali, kemm jekk huma domestiċi, tal-irziezet, kif ukoll eżotiċi, huma obligati bil-liġi biex jirreġistrawhom, kif ukoll ikunu konformi mar-regolamenti tas-Servizzi Veterinarji (VRD) u mal-liġijiet ta’ Malta. Dan billi jieħdu ħsieb li l-annimal ikun jista’ jkun identifikat f’każ li jaħarbu, jintilfu jew jinsterqu. L-identifikazzjoni ssir b’mezzi differenti imma l-klieb u l-qtates jistgħu ikunu identifikati bil-midalja (l-ID Tag) u ċ-ċippa (microchip). Is-sidien għandhom jiżguraw li l-annimal tagħhom ikollu u dan b’mod speċjali s-sidien tal-klieb li huma obbligati bil-liġi li l-kelb tagħhom ikollu kemm il-microchip, kif ukoll l-ID Tag. Min jinqabad mingħajr waħda minn dawn, jista’ jeħel multa ta’ €300. 

Min-naħa l-oħra, is-sidien tal-qtates, sal-lum il-ġurnata m’humiex obligati bil-liġi li jagħmlu l-ID Tag u ċ-ċippa, iżda għall-benefiċċju tal-qattus, l-uffiċju tal-Kummissarju għal Ħarsien u t-Trattament Xieraq tal-Annimali, kif ukoll il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali, jirrakkomandaw li s-sidien jagħmluhielhom xorta u dan għal diversi raġunijiet. 

Filwaqt li ċ-ċippa ssir għand il-veterinarji biss, l-ID Tag tista’ ssir f’diversi postijiet kummercjali fosthom minn ħwienet bi prodotti tal-annimali, magħrufa bħala pet shops. Għal min irid jagħmel ġest sabiħ, jista’ jagħmel din il-midalja ta’ identifikazzjoni mal-SPCA t’Għawdex. Dawn jagħmluhom bl-idejn u kulma jiswew €3.50 għal tliet tags. €1 min dawn imorru għas-santwarji ta’ madwar Malta u Għawdex u jistgħu jkunu ordnati minn fuq info@spca-gozo.org

X’inhi l-ID Tag?

Din hija aċċessorju f’forma ta’ midalja li teħel mal-kullar jew ċinga tal-kelb jew qattus. Ma tagħmilx differenza x’forma jew x’kulur tkun. L-importanti huwa li fuq in-naħa ta’ wara tal-midalja jkun hemm minqux in-numru tat-telefon ta’ sid l-annimal u possibilment isem l-annimal.

L-ID Tag hija essenzjali biex meta l-annimal jaħrab lil sidu u jkun hemm xi ħadd li jinnota li dak il-kelb jew qattus partikolari huwa maħrub jew mitluf, min isib lill-annimal jista’ jiċċekja l-midalja u jċempel lil sid l-annimal direttament biex imur jiġbru. L-għan wara dan l-aċċessorju huwa biex meta l-annimal jintilef, dan ikun jista’ jinstab mingħajr telf ta’ żmien u jitnaqqas il-ħin u r-riskju li l-annimal jittajjar minn xi karozza.

Iċ-ċippa… teknoloġija għal finijiet ta’ reġistrazzjoni 

Din hija oġġett elettroniku żgħir ħafna (fiha daqs rossa waħda), li tingħata f’forma ta’ injezzjoni lill-kelb jew lill-qattus mill-veterinarju biss u tingħata meta l-annimal ikollu madwar erba’ xhur. Il-veterinarju jinjetta ċ-cippa taħt il-ġilda tal-annimal li din tibqa’ taħt il-ġilda sakemm l-annimal imut. Din iċ-ċippa jkollha numru uniku li jkun attribwit mal-annimal speċifiku. 

Wara li l-veterinarji jagħmlu il-microchip lill-kelb jew lill-qattus, huma obbligati li jirreġistrawhom mad-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji (VRD). Wara li l-annimal ikun irreġistrat mad-dipartiment tal-VRD, is-sid jirċievi nota li l-annimal huwa rreġistrat. Meta xi ħadd jagħmel iċ-ċippa lill-annimal domestiku tiegħu u wara xahar ma jirċeviex in-nota mid-dipartiment tal-VRD, dan għandu jikkuntattja lill-veterinarju tiegħu biex jinfurmah li għad m’għandux konferma uffiċjali ta’ reġistrazzjoni.

Għaliex nagħmluhom din iċ-ċippa?

Minbarra li ċ-ċippa hija obbligatorja bil-liġi fil-każ tal-klieb, wieħed għandu jagħmilha biex jekk għal xi raġuni l-kelb jew il-qattus jaħrab lil sidu, l-annimal ikun jista’ jkun identifikat. Dan jista’ jkun identifikat billi jintuża apparat li jissejjaħ “microchip scanner” billi jitpoġġa fuq dahar l-annimal u jidher in-numru uniku taċ-ċippa biex b’hekk, skont ir-reġistrazzjoni, jinstab is-sid. 

Iċ-ċippa ssir ukoll biex jitnaqqsu l-abbużi, bħal per eżempju, xi ħadd jabbanduna lill-annimal tiegħu. Barra minnhekk, permezz ta’ din it-teknoloġija, jitnaqqas ir-riskju li annimal jinsteraq. Bis-saħħa taċ-ċippa, l-annimal ikun jista’ jkun identifikat kemm jekk l-annimal jaħrab lil sidu, kif ukoll jekk l-annimal jinsteraq. 

Mhux l-ewwel darba li kien hemm rapporti ta’ krudeltà ta’ annimali u meta l-uffiċjali tal-Ħarsien u t-Trattament Xieraq tal-Annimali (Animal Welfare) jiċċekkjaw xi klieb li jkun hemm, ġieli nstab li l-annimal huwa rreġistrat fuq persuni oħra.

Meta persuna tinnota xi kelb jew qattus barra t-triq li jkun jidher mitluf/maħrub, il-persuna għandha ċċempel direttament fuq in-numru 1717 biex l-uffiċjali tal-Ħarsien u t-Trattament Xieraq tal-Annimali jmorru fuq il-post u jiċċekkjaw jekk l-annimal għandux iċ-ċippa u b’hekk ikunu jistgħu isibu min huwa sid dak l-annimal. 

Barra minnhekk, meta xi ħadd isib annimal mitluf li jista’ jkun ta’ xi ħadd u jkun mingħajr ID Tag, jista’ jieħdu personalment għand veterinarju biex ikun iċċekkjat għaċ-ċippa bil-mircochip scanner. Jekk jinstab li l-annimal huwa rreġistrat, wieħed jista’ jagħmel kuntatt ma’ sid l-annimal direttament.

Meta annimal li se tadotta diġà għandu ċ-ċippa…

Li taddotta kelb huwa ġest imprezzabbli. Jekk il-kelb li se tadotta jew se tixtri, diġà għandu ċippa, ċempel lill-uffiċċju tad-dipartiment tal-VRD fuq: 21244236 biex tinfurmahom. Tingħata formola biex timliha flimkien ma’ sid l-annimal li huwa rreġitrat fuqu u jsir it-trasferiment biex in-numru uniku taċ-ċippa jikkorrispondi mad-dettalji tas-sid il-ġdid. 

Il-formola għal transfer tista’ wkoll titnizzel minn fuq il-paġna https://eforms.gov.mt/pdfforms.aspx?fid=eaf191e

AQRA WKOLL:

“Kunu konxji tal-ispejjeż li jġib miegħu annimal”
Share With: