Biden jgħid li Trump m’għandux ikollu aċess għal briefings b’informazzjoni sensittiva minħabba l-imġieba stramba tiegħu

Joe Biden qal li ma jħossx li l-predeċessur tiegħu Donald Trump għandu jkollu aċċess għal briefings dwar informazzjoni sensittiva minħabba l-imġieba stramba tiegħu.

“Ma naħsibx,” qal Biden ilbieraħ filgħaxija waqt intervista ma’ CBS Evening News meta mistoqsi jekk Trump għandux ikollu aċċess għal dawn il-briefings.

“Minħabba l-imġieba stramba tiegħu, li mhijiex relatata mal-irvellijiet tal-Capitol,” saħaq Biden, b’referenza għall-irvellijiet tas-6 ta’ Jannar meta sostenituri ta’ Trump daħlu b’forza fil-US Capitol.

Eks-Presidenti tradizzjonalment jibqgħu jirċievu briefings anke wara li t-terminu tagħhom jiġi fi tmiemu.

Trump kemm-il darba kien jikkritika lis-servizzi sigrieti u ma kienx magħruf għal briefings twal tul il-Presidenza tiegħu. Trump qed jiffaċċja t-tieni proċess ta’ impeachment il-ġimgħa li ġejja, b’din id-darba jiġi akkużat li qanqal l-irvellijiet tal-Capitol meta talabhom jiġġieldu r-riżultati tal-elezzjoni li huwa tilef fil-konfront ta’ Biden.

Share With: