“Awtorità tal-Artijiet iżjed miftuħa, b’effiċjenza u b’servizzi aħjar lill-konsumatur” – Silvio Schembri

“Se nara li fiż-żmien li ġej din l-awtorità tiskatta r-riformi meħtieġa, tkun proattiva, tkun hi li tressaq il-proposti tagħha u tkun sieħeb importanti fl-aħjar interess ta’ kulħadd”. Qal dan il-Ministru Silvio Schembri filwaqt li sostna dwar l-importanza li iżjed minn qabel l-Awtorità tal-Artijiet trid tkun iżjed miftuħa u ssaħħaħ l-effiċjenza b’servizzi aħjar lill-konsumatur.

“Huwa kruċjali li issa l-Awtorità tgħaddi għall-bidla li jmiss fl-aħjar interess tal-pubbliku inġenerali. Konxju mill-isfidi kbar li hemm u li fix-xhur li ġejjin se jkunu indirizzati. Se nara li l-Awtorità se tpoġġi iżjed fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha lill-konsumatur. B’introduzzjoni ta’ metodi ġodda mill-aspett ta’ operat se jgħin għal aċċess ta’ informazzjoni aħjar, inqas sistemi burokratiċi li jifnu l-istess awtorità u fuq kollox tħaddin u tħaddim ta’ metodi diġitali li jistimulaw l-effiċjenza”, qal il-Ministru Schembri.

Il-ministru semma li fil-qofol ta’ din il-ħidma hemm l-ixprunar ta’ iżjed trasparenza li se jkun sostnut bid-diġitalizzazzjoni li jgħinu biex l-Awtorità tiftaħ iżjed il-bibien tagħha. Filwaqt li esprima li hu konxju mill-isfidi li hemm, il-Ministru Schembri semma li fiż-żmien li ġej se jkunu qed jittieħdu deċiżjonijiet importanti li se jwittu din it-triq għall-Awtorità.

“Irrid nara Awtorità iżjed mifutħa li b’ħidmietha tħaddan bi sħiħ l-interess tal-bżonnijiet tal-pubbliku Malti u Għawdxi, li tfittex li tkun ta’ spalla, li tinvesti f’metodi u f’teknoloġiji ġodda li jsaħħu l-operat tagħha. Tinstema viżjoni ambizzjuża. Se nara li fiż-żmien li ġej din l-awtorità tiskatta r-riformi meħtieġa, tkun proattiva, tkun hi li tressaq il-proposti tagħha u tkun sieħeb importanti fl-aħjar interess ta’ kulħadd”, qal il-Ministru Schembri.

Il-Kap Eżekuttiv ġdid għall-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella qal li l-ħaddiema huma mimlija ħeġġa u huma favur pjan li jagħti spinta biex l-Awtorità tkun aktar effiċjenti, trasparenti u ta’ servizz tajjeb lill-konsumatur. Fakkar li minkejja d-diffikultajiet li taffaċċja din l-awtorità, kull sena tikkontribwixxi ’l fuq minn €40 miljun lejn id-dħul tal-pajjiż. “Meta tqis li l-Gvern ta’ Malta għandu kważi 60% tal-proprjetà fil-pajjiż, wieħed jista’ biss jimmaġina x’potenzjal hemm għall-futur ta’ din l-awtorità. Investiment f’din l-awtorità jista’ biss jissarraf f’ġid għal kulħadd”, qal is-Sur Vella filwaqt li kkonkluda li din iż-żjara hija simbolika u timmarka l-ftuħ tat-tieni fażi tal-bidla li għandha bżonn l-Awtorità. “Jiena naf li qiegħed nitkellem għall-ħaddiema kollha meta ngħid li kulħadd lest li jagħti s-sehem tiegħu biex nirbħu l-isfidi kbar li żgur ħa niffaċċjaw”.

Share With: