Avukati li qed jirrappreżentaw lil Yorgen Fenech se jiġu mixlijin b’allegat attentat ta’ tixħim ta’ ġurnalist

Żewġ avukati li jifformaw parti mit-tim ta’ difiża ta’ Yorgen Fenech se jkunu qed jiġu mixlijin fil-Qorti b’allegat tħaxxim ta’ ġurnalist. Dan irrapportatu t-Times of Malta llum.

L-avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca allegatament offrew karti tal-flus ta’ €500 lill-ġurnalist ta’ times of malta Ivan martin wara laqgħa li kellhom dwar Fenech.

Martin irrifjuta l-flus u rrapporta b’mod immedjat dak li kien ġara lill-edituri tiegħu, fejn sussegwentement infetħet investigazzjoni tal-pulizija b’rabta mal-każ.

Il-każ se jkun qed jinstema’ nhar it-Tnejn li ġej, fejn mistennijin li jagħtu x-xhieda tagħhom Martin, u l-edituri ta’ Times of Malta Herman Grech u Diana Cacciottolo.

It-tim legali ta’ fenech kien saħaq li l-ġurnalist kien tahom x’jifhmu li kien qed joffri l-għajnuna tiegħu biex jiġi newtralizzat ir-rapportaġġ fil-midja. Qalu li ma kinux konxji dwar il-kundizzjonijiet marbutin mal-impjieg tiegħu ma’ Times of Malta u huwa kien semma biss li kien jaħdem fultajm mal-ġurnal wara li kien ġie offrut ħlas għas-servizzi tiegħu.

Martin ilu ġurnalist ma’ Times of Malta sa mill-2013, u l-Kap Editur tal-ġurnal fir-reazzjoni tiegħu għall-argumenti tal-avukati ta’ Fenech kien qal li Martin fl-ebda punt tal-konverżazzjoni tiegħu ma indika li kien investigatur u li Caruana Curran innifsu kien qal fir-reazzjoni inizjali tiegħu għall-inċident li huwa qatt ma kellu x’jaqsam ma’ ġurnalisti, b’dan għaldaqstant jimplika li kien jaf li Martin kien ġurnalist.

Share With: