Astrazeneca tikkonferma li l-konsenja tal-vaċċin li waslet Malta hija sigura biex tintuża

L-awtoritajiet għas-saħħa għadhom kif irċevew konferma uffiċjali mill-kumpanija Astrazeneca, li l-konsenja tal-vaċċin tal-COVID-19 li ntbagħtet iktar kmieni din il-ġimgħa tista’ tintuża. Dan wara li kien ivverifikat li t-temperatura tal-vaċċini nżammet skont il-kriterji stabbiliti tul it-traġitt tagħhom lejn pajjiżna.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ, id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa informa lill-mezzi tax-xandir li kien hemm mistoqsija dwar waħda mir-recorders tat-temperatura tal-kontenitur li żamm il-vjali u li minkejja li kien hemm recorders oħra li ħadmu, l-awtoritajiet għas-saħħa riedu jkunu ċerti li l-vaċċini baqgħu tajbin – konferma li ngħatat mill-Astrazeneca iktar kmieni llum.  

B’hekk, l-istrateġija tal-vaċċin tal-COVID-19 tista’ tissokta kif pjanat, bl-ewwel vaċċini tal-Astrazeneca jibdew jingħataw lill-frontliners mhux mediċi li għandhom inqas minn 55 sena. 

Share With: