Artiklu ta’ Daphne Caruana Galizia dikjarat libelluż

Ir-raġel u t-tlitt itfal ta’ Daphne Caruana Galizia ġew ordnati jagħtu €750 lill-eks-kap tat-task force li kien waqqaf il-Gvern biex jorganizza l-laqgħa tal-kapjiet tal-istati tal-Commonwealth li saret f’Malta f’Novembru 2015.

Phyllis Muscat kienet fetħet il-libell fil-konfront ta’ Caruana Galizia imma minħabba li din inqatlet il-kawża kompliet kontra żewġha Peter u wliedhom Matthew, Andrew u Paul.

Fir-rapport li kien deher fuq is-sit tagħha fit-3 ta’ Mejju 2017 Caruana Galizia allegat li Muscat kienet talbet ħlasijiet lil ċertu lukandi li kienu se jżommu l-parteċipanti.

Muscat sostniet li la hija u lanqas xi membru ieħor tat-task force ma ħadu xi flus u li l-ħlasijiet fuq kummissjonijiet li talbet f’isem il-Gvern saru direttament fil-kont tal-Gvern tal-Bank Ċentrali.

Peter Caruana Galizia sostna li meta martu rċeviet in-notifika tal-libell ma setgħux jifhmu għaliex minħabba li m’hemmx allegazzjoni li Muscat ħadet xi flus b’mod personali mil-lukandi li ospitaw id-delegati.

Huwa nsista li r-rapport jgħid li kienet it-task force immexxija mill-ħabiba tal-Prim Ministru li talbet għal ‘kickbacks’ u nsista li hija ma fehmitx il-kitba ta’ martu.

Wara li sema liż-żewġ naħat, il-Maġistrat Victor Axiak qal li għalkemm il-familja Caruana Galizia ippruvat tisħaq li l-kelma “kickbacks” hija sinonima ta’ “commissions” madankollu f’dan il-każ tat x’jifhem li Muscat ħadet flus illegali.

Huwa semma kif dak iż-żmien Caruana Galizia kienet qed tikteb ħafna fuq allegat korruzzjoni minn politiċi f’pożizzjonijiet għolja fil-Gvern, inkluż il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, u ikkunsidra wkoll li fit-titlu tar-rapport jingħad li Muscat kienet ħabiba tiegħu.

Kien għalhekk li waqt li sab l-artiklu miktub minn Daphne Caruana Galizia bħala malafamanti fil-konfront ta’ Muscat ordna lill-qraba tagħha jħallsuha €750 f’kumpens.

Share With: