Apple tixtri kumpanija kull tlieta jew erba’ ġimgħat

Il-kumpanija Apple xtrat madwar 100 kumpanija matul dawn l-aħħar sitt snin. Żvela dan il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Tim Cook.

Dan ifisser li l-ġgant tal-informatika tixtri kumpanija kull tlieta jew erba’ ġimgħat.

Cook qali lix-shareholders li l-akwiżizzjonijiet tal-kumpanija huma fil-biċċa l-kbira tagħhom immirati biex jiksbu t-teknoloġija u l-ħaddiema.

L-akbar kumpanija mixtrija minn Apple matul dawn l-aħħar 10 snin hija Beats electronics, li tipproduċi headphones u li nbdiet mir-rapper u produttur tal-mużika Dr Dre. Apple xtrat lill-kumpanija għal $3 biljun.

Fost oħrajn kienet xtrat ukoll lil Shazam għaċ-ċifra ta’ $400 miljun fl-2018.

Share With: