Anzjana tallega li ngidmet €58,000 wara relazzjoni virtwali

Erba’ rġiel Niġerjani u mara Maltija baqgħu jinżammu arrestati wara li tard it-Tnejn filgħaxija tressqu l-Qorti fejn ġew mixlija b’ħasil ta’ flus. L-akkużati huma Sunday Eboh, Collins Eguavoen, Marvis Iyeke, Tony Ogbonna u Alexandra Pace, li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn 28 u 58 sena. 

Il-Pulizija qalet li anzjana Maltija allegatament spiċċat vittma ta’ frodi wara li għal perjodu twil ta’ żmien daħlet f’relazzjoni virtwali ma’ persuna li allega li huwa suldata Amerikan li qiegħed fuq missjoni fl-Afganistan, iżda kien se jtemm din il-missjoni u jiġi jgħix Malta.

Fil-Qorti ħareġ li l-vittma kienet irrapportat mal-Pulizija li sofriet minn reat li wassal għal numru ta’ transazzjonijiet li jammontaw ‘il fuq minn €58,000, bil-konsegwenza li l-vittma spiċċat b’xejn. 

L-anzjana qalet li kienet irċeviet friend request online mingħand raġel u bdew jitkellemu u kkonvinċieha li kienet se tirċievi rigal li bagħtilha minn barra minn Malta. Qalilha wkoll biex tagħmel diversi tranżazzjonijiet f’madwar sitt kontijiet bankarji, liema kontijiet allegatament kienu jwasslu għall-akkużati. 

Quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, l-imputati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom iżda baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Il-Pulizija qed tqis dan il-każ bħala l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu li fih tressqu persuni l-Qorti fuq allegat frodi permezz ta’ relazzjoni virtwal. 

Share With: