Ambjent Malta tkompli żżid is-siġar li tħawwel

Matul l-2020 Ambjent Malta ħawlet 21,808 siġar u arbuxelli li kien ifisser żieda fuq l-10,185 u l-20,286 imħawwla fl-2018 u 2019 rispettivament.

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia spjega li dawn is-siġar u arbuxelli indiġeni tħawlu fis-siti li tieħu ħsieb Ambjent Malta bil-għan li jkompli jitkabbar u jiġi rrestawrat l-abitat naturali ambjentali ta’ pajjiżna.

Dawn is-siti jinkludu l-Buskett, Kemmuna, il-Forti tal-Madliena, Salina Park, Marsaxlokk Kavallerizza, is-Swatar u l-Aħrax tal-Mellieħa.

“Bħala gvern mexjin lejn ippjanar iktar ħadrani, ekoloġiku u sostenibbli. L-isfida tat-tibdil fil-klima u l-bżonn li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu fl-urban b’mod partikolari kif ukoll il-ħtieġa li nipproteġu l-ambjent naturali tagħna, tinħass iktar minn qatt qabel”, sostna Farrugia.

Huwa żied li din is-sena rat l-ewwel ‘green walls’ f’pajjiżna, iktar proġetti ta’ ‘urban greening’ fil-lokalitajiet, aktar inċentivi għal proġetti ħodor u iktar investiment fil-pajsaġġ naturali.

Is-siġar indiġeni li tħawlu jinkludu: Imbrijagla, Bagular, Ħarrub, Siġra ta’ Ġda, Ġmmara, Għanżalor, Ċpress, Ġibru, Siġar tar-Rand, Ċwsli, Tut, Riħan, Siġar taż-Żebbuġ, Olivastru, Żnuber, Deru, Siġar tal-Luq, Lewż, Rummien, Lanġas Bagħal, Ballut, Alaternu, Żafzafa, Sebuqa, Ġnista, Bruka, Siġar tal-Għargħar, Nemmiesa, Viburnum u Siġret il-Virgi.

L-arbuxelli indiġeni li tħawlu jinkludu l-Fula tal-Klieb, Spraġġ Xewwieki, Berwieq Żgħir, Kappar, Widnet il-Baħar, Erika, Tengħud tas-Siġra, Liedna, Kromb il-Baħar, Simar, Xorbett, Għawseġ, Kristallina tar-Ramel, Sigra tad-Difla, Siġret il-Ħarir, Salvja tal-Madonna, Fejġel, Salvja tal-Ikel, Klin, Santolina, Żebbuġija, Borgħom Komuni u Sagħtar.

Ambjent Malta mhix biss hija responsabbli mit-tħawwil imma anke mill-monitoraġġ tagħhom sa massimu ta’ ħames snin sakemm jaqbdu.

Share With: