Alfred Sant

Alfred Sant joġġezzjona għal Ewropa aktar militarizzata

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant astjena fuq rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni peress li jista’ jimplika appoġġ għal aktar militarizzazzjoni tal-Ewropa.

“It-test jinjora l-prinċipju tan-newtralità li huwa fil-qalba kostituzzjonali ta’ stati membri tal-UE bħal Malta. Barra minn hekk, jien kritiku għall-Fond tad-Difiża u l-hekk imsejħa “awtonomija strateġika” li tiffoka fuq il-militar”, iddikjara Alfred Sant.

Il-Fond Ewropew tad-Difiża l-ġdid se jappoġġa azzjonijiet kollaborattivi u kooperazzjoni bejn membri stati tal-UE, f’kull stadju taċ-ċiklu industrijali relatat mal-prodotti u t-teknoloġiji tad-difiża.

Fi stqarrija lill-plenarja tal-Parlament Ewropew, Alfred Sant qal li madwar nofs l-għotjiet allokati taħt il-Fond qed imorru għand l-akbar produtturi u esportaturi tal-armi fl-UE, li jħalli lill-fornituri tal-armi minn Stati Membri oħra tal-UE b’finanzjament limitat.

Barra minn hekk, il-proċess kollu li bih twaqqaf il-fond jidher difettuż. Kumpaniji li l-mexxejja tagħhom kienu parti mill-Grupp tal-Personalitajiet tal-2016 li offrew pariri lill-Kummissjoni Ewropea biex joħolqu programm ta’ riċerka militari fil-biċċa l-kbira llum qed jibbenefikaw minn dawk il-programmi. Alfred Sant iddikjara li l-ilmenti li dan ilu jiġri b’nuqqas ta’ trasparenza għandhom jiġu investigati filwaqt li nnota li wieħed jista’ biss ikun xettiku dwar politika ta’ “sigurtà” strateġika li tinjora l-perspettivi ta’ stati membri newtrali tal-UE li m’għandhomx interess fil-produzzjoni tal-armi. Madankollu dawn qed jikkontribwixxu għall-fond li minnu qed jiġu finanzjati l-programmi ta ‘”sigurtà” tal-UE lill-produtturi tal-armi.

Share With: