Aktar minn 60% tal-impjegati tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà huma persuni b’diżabbiltà

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli żaru l-uffiċini tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà u segwew mill-qrib il-ħidma kontinwa li qed issir sabiex is-soċjetà Maltija tkompli tkun waħda inklussiva.

Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà Samantha Pace Gasan qalet li fil-ħidma tagħha, is-CRPD qiegħda taħdem sabiex telimina kull forma ta’ diskriminazzjoni soċjali diretta jew indiretta kontra persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom, filwaqt li tipprovdilhom l-għajnuna u l-appoġġ meħtieġ.

Qalet li l-Kummissjoni tagħmel dan permezz ta’ investigazzjonijiet li tagħmel f’sitwazzjonijiet ta’ allegat diskriminazzjoni li fuqhom tirċievi ilmenti.

Semmiet li bħalissa s-CRPD għaddejja minn proċess ta’ tisħiħ fit-taqsima tal-infurzar sabiex tkun tista’ topera aħjar bħala regolatur biex tassigura li d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà jiġu mħarsa, filwaqt li jkollha aktar setgħa tħarrek lil dawk li ma jimxux ma’ dak li hu mistenni minnhom bil-liġi.

Il-Prim Ministru Robert Abela sellem lill-ħaddiema kollha u saħaq dwar l-importanza li l-entitajiet governattivi, dipartimenti tal-gvern u aġenziji varji jkunu ta’ eżempju fil-qasam tal-aċċessibilità għall-persuni b’diżabbiltà.

“Qed nuru b’fatti konkreti li dan il-gvern għandu għal qalbu s-settur tad-diżabbiltà, hekk kif ftit tax-xhur ilu elevajna dan il-qasam għal-livell ta’ Ministeru u kommessi li nibqgħu nagħmlu iżjed bl-għan li l-ebda persuna ma tħossha minsija jew imċaħħda minn drittijiet bażiċi,” stqarr il-Prim Ministru.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet kif, “Matul din is-sena se nkunu qed naraw numru ta’ proġetti u servizzi ġodda li jwieżnu lill-persuni b’diżabbiltà u l-familjari tagħhom, inkluż liġijiet li għal snin twal ingħataw il-ġenb u tħallew minsija.” Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat kif fl-aħħar xhur, grazzi għall-għarfien li sar, żdiedu sostanzjalment il-każijiet ta’ għarfien u talbiet biex is-CRPD tinvestiga abbużi jew irregolaritajiet.

Is-CRPD topera b’mod proattiv ukoll permezz ta’ diversi inizjattivi biex tqajjem kuxjenza u l-involviment tagħha f’diversi diskussjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

Għaldaqstant, il-Kummissarju enfasizzat l-importanza li persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom jingħataw importanza fil-proċess sħiħ tad-deċiżjonijiet u mhux biss meta qed jiġu diskussi servizzi u kwistjonijiet li jolqtu dirett lil persuni b’diżabbiltà.

Is-Sinjura Pace Gasan saħqet illi meta jittieħdu deċiżjonijiet huwa essenzjali li l-persuni b’diżabbiltà jkunu involuti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, sabiex iseħħ il-motto dinji tad-diżabbiltà għall-persuni b’diżabbiltà: “Xejn dwarna mingħajrna.”

Il-Kummissjoni hija eżempju ta’ kif entità tista’ tiffunzjona b’mod effettiv filwaqt li tassigura li l-ħaddiema għandhom xogħol dinjituż.

Aktar minn 60% tal-impjegati tas-CRPD huma persuni b’diżabbiltà u dan juri impenn politiku minn dan il-gvern illi joffri pjattaforma għolja għall-persuni b’dizabbiltà sabiex jiksbu fil-prattika d-drittijiet li diġà jeżistu fuq il-karta.

Share With: