Aktar minn 30,000 kuntratt ta’ kirjiet privati jiġu reġistrati mal-Awtorità tad-Djar

Fl-ewwel sena tal-Awtorità tad-Djar bħala regolatur tas-suq tal-kirjiet privati, ġew irreġistrati riżultati pożittivi hekk kif sal-aħħar ta’ Diċembru ġew irreġistrati aktar minn 30,000 kuntratti ta’ kirjiet residenzjali privati.

Dan l-irwol tal-Awtorità ngħata wara li tliet snin ilu bdiet titfassal white paper fuq is-suq tal-kirjiet privati, li proponiet qafas regolatorju għal dawn il-kirjiet. Proposti li ġew formulati wara konsultazzjoni wiesgħa li wasslet għal abbozz ta’ liġi li ġie mgħoddi mill-Parlament fl-2019.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes tenna li, “Dak li wegħdna lis-sidien u lill-familji fil-kera tliet snin ilu, illum sar ir-realtà tagħhom. Dan hekk kif permezz tar-riforma li għamilna f’dan is-suq importanti qegħdin nassiguraw trasparenza, stabbiltà u sigurtà. B’din is-sena, li ma kinitx waħda faċli, iċċertifikat aktar minn qatt qabel l-importanza ta’ reġistrazzjoni mandatorja ta’ kirjiet privati li toffri serħan il-moħħ liż-żewġ partijiet. Sena li ċċertifikat li dawk it-tliet wegħdiet li għamilna ma kinux kliem fieragħ”.

Il-ministru żied jgħid li s-suċċess ta’ din ir-riforma huwa dovut għal proċess twil ta’ konsultazzjoni, “Proċess li kien fundamentali biex din ir-riforma tibda fuq nota pożittiva u jgawdu minnha kemm is-sidien kif ukoll il-familji fil-kera. Dan mhux qiegħed ngħidu jien iżda l-istatistika li għandna għall-ewwel darba bħala Stat. Statistika li se sservi bħala għodda għalina biex id-deċiżjonijiet li nagħmlu biex inkomplu dejjem intejbu dan is-settur ikunu infurmati u bbażati fuq fatti reali. L-għan tar-riformi li nagħmlu fis-settur tal-housing huwa li ma jitħallewx biss fuq il-karta iżda jiġu implimentati u jiġu segwiti biex inkomplu dejjem nibnu fuqhom”.

L-ewwel statistika li għandu l-Istat dwar dan is-suq ġiet preżentata mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay. “Sal-aħħar ta’ Diċembru ġew reġistrati mal-Awtorità tad-Djar 30,483 kuntratt. Kuntratti li 70% tagħhom ġew maqbula għal sena. Illum permezz tar-reġistrazzjoni mandatorja għandna wkoll, għall-ewwel darba, informazzjoni dwar in-numru ta’ proprjetajiet li qegħdin jinkrew għal skopijiet residenzjali u f’liema lokalitajiet qegħdin. Fil-fatt, irriżulta li l-maġġoranza ta’ dawn il-proprjetajiet jinsabu f’San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema, l-Imsida, San Ġiljan u l-Gżira”.

Is-Sur McKay spjega li f’Mejju l-Awtorità tad-Djar waqqfet ukoll panel ta’ arbitraġġ li qiegħed isolvi b’mod spedit kwistjonijiet żgħar rigward ħlasijiet u manutenzjoni li ma jammontawx għal aktar minn €5,000.

“Permezz ta’ dan il-panel qegħdin insaħħu relazzjonijiet, bejn sidien u inkwilini, li qabel ma kellhomx rimedju spedit u effettiv f’każ li parti jew oħra tonqos milli tonora l-obbligi tagħha. Sal-aħħar tas-sena ġew sottomessi 94 każ li fil-maġġoranza tagħhom ġew deċiżi fi żmien ħamest ijiem minn meta l-partijiet jipprovdu d-dokumenti neċessarji. Il-maġġoranza tal-każijiet kienu jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ dawl u ta’ ilma kif ukoll dwar depożitu, bil-każijiet deċiżi sal-aħħar tas-sena, iffavorixxew lis-sidien”.

Huwa kkonkluda li huwa ta’ sodisfazzjon għall-Awtorità li kienet ta’ servizz għas-sidien u għall-inkwilini li resqu lejha. Fil-fatt, is-sezzjoni ġdida fi ħdan l-Awtorità tad-Djar li twaqqfet għal dan l-għan wieġbet aktar minn 28,000 telefonata.

Il-pass li jmiss huwa li jiġu ppubblikat The 2020 Malta Residential Study, rapport dettaljat li se jagħti aktar ritratt ċar u dettaljat dwar is-suq tal-kirjiet privati f’Malta. L-osservatorju huwa kompost mill-ekonomista Dr Marie Briguglio u mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.

Dr Marie Briguglio qalet li, “Huwa tajjeb li niftakru li s-suq tal-kera huwa suq kompless għaliex apparti li jaqdi lill-investitur (sid il-kera) u lill-konsumatur (l-inkwilin), qed imiss ukoll b’mod wiesa’ ma’ oqsma ta’ ġustizzja soċjali u mal-welfare fil-pajjiż. Il-fatt li l-Awtorità tad-Djar talbet li jsir studju tal-impatt sa mill-ewwel sena mid-dħul tal-liġi jawgura tajjeb għall-futur ta’ din il-liġi ghax turi kapaċità u volontà għal policy li tħares lejn l-evidenza u li teżamina l-impatti kemm pożittivi u anke negattivi li jista’ jkollha”.

L-ekonomista fi ħdan il-Bank Ċentrali ta’ Malta, Dr Brian Micallef, qal li, “L-istudju se jinkludi analiżi analitika fuq l-informazzjoni miġbura wara sena mit-twaqqif tar-reġistru tal-kirjiet miżmum mil-Awtorità tad-Djar. Minbarra li se jipprovdi iktar dettall fuq is-suq tal-kiri f’pajjiżna, dan l-istudju se jiftaħ opportunitajiet ġodda għal riċerka, kemm ta’ natura ekonomika u ankw soċjali, li diffiċli ssir bid-data eżistenti li kellna sal-lum il-ġurnata”.

Share With: