Akkużi ta’ pedofelija fl-Awstralja: Id-Djoċesi t’Għawdex tispjega l-passi li ħadet

Id-Djoċesi t’Għawdex iddikjarat li meta l-Isqof t’Għawdex Mario Grech kien infurmat bl-allegazzjonijiet t’abbuż li saru minn Sultana fl-Awstralja, huwa pprojbih milli jkollu kuntatt ma’ minorenni minnufih.

Id-Djoċesi t’Għawdex iddikjarat li trid tiċċara l-passi li kienet ħadet meta kienu saru allegazzjonijiet fuq il-qassis fl-Awstralja. Dan il-qassis, flimkien ma’ Dun Joseph Cini, din il-ġimgħa ġie arrestat fuq akkużi ta’ abbuż ta’ minorenni, din id-darba f’Għawdex stess.

Id-Djoċesi qalet li meta saru dawn l-allegazzjonijiet fid-Djoċesi ta’ Cairns fl-Awstralja, apparti milli waqqaf kull kuntatt li kellu Dun Sultana mal-minorenni, l-Isqof Grech kien wera r-rieda tiegħu li jikkollabora mal-awtoritajiet kompetenti. Dak iż-żmien hu ma kien irċieva l-ebda lment ta’ din ix-xorta dwar dan is-saċerdot.

L-Isqof Grech kien talab ukoll lill-Isqof James Foley ta’ Cairns fl-Awstralja biex iżommu aġġornat dwar il-każ. L-Isqof Foley kien ressaq il-każ lill-Kongregazzjoni tad-Duttrina tat-Twemmin f’Ruma, li f’Mejju tal-2014 kienet iddikjarat li l-allegazzjonijiet li saru kienu bla bażi. “Din id-dikjarazzjoni kellha tittieħed għall-kunsiderazzjoni bl-istess mod kif tqiesu l-allegazzjonijiet oriġinali,” temmet tgħid id-Djoċesi t’Għawdex.

Ta’ min jgħid li ż-żewġ saċerdoti li tressqu l-Qorti qegħdin jinżammu arrestati sakemm ikompli jinstema’ l-każ.

Share With: