AĠĠORNATA: Mandat ta’ sekwestru kontra Yorgen Fenech jibqa’ fis-seħħ

In-negozjant Yorgen Fenech kellu miċħuda t-talba biex jitħassar l-mandat ta’ sekwestru li għamlitlu l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia b’rabta mal-qtil tagħha li seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2017.

L-Avukat Peter Caruana Galizia u wliedu Matthew, Andrew u Paul kienet fetħu l-kawża fil-konfront ta’ Fenech, Melvin Theuma, l-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vincent Muscat.

Waqt li Fenech jinsab mixli b’kompliċità, Theuma ngħata maħfra presidenzjali għall-involviment tiegħu bħala sensar fil-qtil mentri t-tlieta l-oħra jinsabu akkużati bid-delitt innifsu.

Il-mandat ta’ sekwestru kien intlaqa’ imma Fenech mhux biss talab lill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili tħassru imma anke li l-familja Caruana Galizia tħallas penali.

Madankollu l-Imħallef Anna Felice ma laqgħatlux it-talba u sostniet li ma hemm raġuni għala l-mandat ta’ sekwestru fil-konfront tiegħu kellu jiġi mħassar.

Dan hekk kif aktar kmieni Komplet tinstema’ x-xhieda fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-blogger Daphne Caruana Galizia.

Fix-xhieda tiegħu l-Perit Richard Aquilina qal li hu kien inkarigat jagħmel pjanta tas-sit ta’ fejn ħadet il-bomba fil-Bidnija.

Warajh xehed Carmel Sammut u qal li hu kien ra l-preżenza ta’ karozza viċin id-dar tiegħu li tinsab fuq il-wied ta’ fejn saret l-isplużjoni. Spjega li l-karozzi dik in-naħa ma kinux frekwenti u b’hekk bilfors seta’ jinnotaha. Spjega li minħabba problemi ta’ saħħa kien iqatta’ ħafna ħin id-dar u li nnota li wara li seħħet l-isplużjoni l-karozza ma kinitx baqgħet hemm.

Maria Sammut Grech kompliet fejn ħalla ta’ qabilha u qalet li l-r-residenza tagħha tinsab faċċata tal-wied tal-Bidnija. Innutat li kienet karozza tal-kiri iżda ma tantx kas tal-pjanċi tar-reġistrazzjoni. Spjegat ukoll li żewġha kien ilu jgħid li dik l-karozza ma kinitx qiegħda ddoqqlu.

Xehdu wkoll uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li rrakkuntaw dak li raw mal-wasla tagħhom u li kien proprju wara li tfew in-nar li kkonfermaw li kien hemm persuna ġewwa.

Uffiċjali oħra spjegaw dwar l-importanza tat-tinda li kellha sservi biex tippreżerva x-xena tad-delitt.

Share With: