AĠĠORNATA: Il-Pulizija tarresta lir-raġel li allegatament kien involut f’żewġ serqiet ftit tas-sigħat ilu

Fi ftit sigħat l-investigazzjonijiet mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri wasslu għall-arrest ta’ raġel ta’ 45 sena residenti l-Ħamrun li allegatament wettaq iż-żewġ serqiet.

Ir-raġel ġie arrestat għall-ħabta tal-5:00 a.m fil-Ħamrun, erba’ sigħat biss wara li wettaq is-serqa f’San Ġwann. Il-Pulizija identifikat il-vettura li allegatament intużat fis-serqiet u din instabet fil-Ħamrun, waqt li fiha nstabu ħwejjeġ li jaqblu ma’ dawk li allegatament kien liebes l- allegat ħalliel fiż-żewġ każijiet.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Qabel: Il-Pulizija tad-Distrett u tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri flimkien mal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU), għaddejjin bl-investigazzjonijiet u bit-tfittxijiet rigward serqa li saret f’Ħal Qormi u attentat ta’ serqa f’San Ġwann. 

Aktar kmieni għal xi 11:45 a.m, il-Pulizija ġiet infurmata li kienet seħħet serqa minn uffiċċju fi Triq San Bartolomew, Ħal Qormi. Minn stħarriġ illi sar irriżulta li raġel liebes hoodie u maskra, u allegatament armat b’arma tan-nar, daħal fl-uffiċċju u talab il-flus lill-ħaddiem; raġel ta’ 54 sena residenti l-Imsida. Ir-raġel ħarab minn fuq il-post wara li seraq ammont ta’ flus kontanti. 

Ftit tal-ħin wara, għal xi s-1:00 p.m, il-Pulizija reġgħet ġiet infurmata li hemm bżonn l-assistenza fi Triq R. Caruana Dingli, San Ġwann. Mill-investigazzjonijiet irriżulta li raġel allegatament armat b’arma tan-nar, daħal f’ħanut u talab il-flus mingħand il-kaxxiera; mara ta’ 42 sena residenti San Ġwann. Il-mara bdiet tgħajjat għall-għajnuna u l-aggressur ħarab minn fuq il-post bla ma seraq xejn. 

Il-Maġistrat tal-Għassa Joseph Mifsud ġie infurmat biż-żewġ każijiet u ordna inkjesta. 

Share With: