AĠĠORNATA: Furnar mixli li kaxkar pulizija waqt arrest fuq ħruq ta’ karozza

Raġel li jaħdem bħala furnar kien mixli li ta n-nar lil karozza ta’ gwardjan tal-Ħabs u waqt l-arrest kaxkar pulizija bil-karozza għal madwar 50 pied.

Tony Zammit, ta’ 42 sena minn Ħal Qormi, ġie akkużat li fil-25 ta’ Jannar li għadda, għall-ħabta tat-3.00 a.m. fl-istess lokal, ta n-nar lil Toyota Platz proprjetà ta’ Ramon Theuma u ikkaġuna ħsara f’Peugeot Partner b’dannu għal Mohammad Saed.

Huwa kien mixli wkoll li fil-15 ta’ Frar li għadda, għall-ħabta tas-1.30 p.m. fi Triq il-Kbira fejn joqgħod, ipprova jikkaġuna ġrieħi gravi lis-Surġent Edward Grech u ikkaġunalu ġrieħi ħfief.

Zammit ġie akkużat ukoll li fl-istess ħin u post ħarab lill-pulizija u m ‘obdiex l-ordnijiet tagħjhom, li saq vettura b’mod traskurat u ikkaġuna ħsara f’vettura tal-Pulizija u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest mogħtija lilu f’Jannar 2019 mill-Maġistrat Rachel Montebello.

Għalkemm wieġeb li ma kienx ħati tal-akkużi miġjubin kontrih, l-akkużat baqa’ miżmum taħt arrest anke għall-fatt li ma saritx talba biex jinħeles.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispetturi Kevin Pulis u Wayne Camilleri waqt li l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia qed jidhru għal Zammit.

L-Avukat Mario Mifsud qed jidher fil-kawża bħala r-rappreżentant legali għal Theuma.

Aktar kmieni: Arrestat b’rabta ma’ ħruq ta’ vettura ta’ uffiċjal fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Raġel ta’ 42 sena ġie arrestat b’rabta ma’ ħruq ta’ vettura ta’ uffiċjal fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-każ seħħ matul il-lejl ta’ bejn l-24 u l-25 ta’ Jannar illi għadda, fi Triq San Edwardu, Ħal Qormi.

Mill-investigazzjonijiet illi saru mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, flimkien mad-Distrett ta’ Ħal Qormi, il-Pulizija rnexxielha tidentifika l-persuna li allegatament tat in-nar lill-vettura. Waqt li kien arrestat fl-Għassa ta’ Ħal Qormi, ir-raġel allegatament fera surġent tal-pulizija.

Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana, u mistenni jitressaq il-Qorti llum għall-ħabta tal-11:00 a.m quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo.

Share With: