AĠĠORNAT: Pazjenti li se jmorru għall-kura barra minn Malta se jingħataw il-vaċċin tal-COVID-19

L-ewwel dożi tal-vaċċin ta’ AstraZeneca se jkunu qed jaslu Malta l-ġimgħa d-dieħla. Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa chris Fearne waqt li kien qed jindirizza l-Kamra tar-Rappreżentanti fis-seduta tal-lum tal-Parlament.

Fearne tenna li l-vaċċini tal-AstraZeneca se jkunu qed jintużaw għal dawk li għandhom bejn 15 u 55 sena, u saħaq li grazzi għall-provvisti ta’ dan il-vaċċin il-pajjiż se jkun qed jaċċelera t-timelines tat-tilqim.

Fl-istess waqt saħaq li l-proċess tat-tilqim miexi kif ippjanat, anzi l-programm jinsab aktar avvanzat bi ftit ġranet.

Intant mill-istatistika li kienet ippubblikata llum mill-Ministeru għas-Saħħa jirriżulta li n-numru ta’ dożi tal-vaċċin kontra l-Covid-19 li ġew amministrati sal-bieraħ qabeż kienu jammontaw għal 29,002, b’4,476 persuna jirċievu wkoll it-tieni doża.

Il-Ministru Fearne żied jgħid li mill-1,300 doża kuljum li qed jiġu amministrati attwalment, sal-aħħar tal-ġimgħa n-numru taddożi se jkunu qed jitilgħu għal 2,500.

Tenna li Moderna qablu li jżidu l-provvista tal-vaċċini tagħhom lil Malta b’170,000. Dan ifisser li b’kollox issa Moderna se tkun qed tipprovdi lil Malta b’270,000 vaċċin.

Apparti dawn Fearne qal li hemm ukoll 650,000 vaċċin tal-Pfizer, u miljun vaċċin tal-AstraZeneca. Dawn se jkun biżżejjed biex il-popolazzjoni kollha ta’ Malta titlaqqam darbtejn.

Fl-istess waqt qal li l-vaċċini żejda li jifdal se jkunu qed jinbiegħu lil pajjiżi oħrajn sakemm ma jkunx hemm bżonn tat-tielet booster.

Il-Ministru Fearne żied jgħid ukoll li qed jippjana li meta t-tilqima tkun disponibbli għall-poplu inġenerali, din tkun tista’ tiġi amministrata mit-tobba tal-familja.

Huwa għamel ukoll referenza għall-varjanti l-ġodda tal-Covid-19, fejn tenna li apparti t-tliet każi li kienu tħabbru mill-awtoritajiet tas-saħħa kienu reġistrati wkoll xi każi oħrajn ta’ persuni li kienu rriżultaw pożittivi għall-varjanti. Tenna li l-każijiet kollha huma relatati ma’ safar mir-Renju Unit.

Intant huwa ħabbar li pazjenti li se jmorru għall-kura barra minn Malta minn għada se jibdew jingħataw il-vaċċin tal-COVID-19 qabel imorru għall-kura. Dan il-proċess se jkun organizzat mill-Isptar Mater Dei stess u l-pazjenti se jkunu kkuntattjati minn Mater Dei stess. 

Share With: