AĠĠORNAT: Il-Qorti trid tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar il-possibbiltà ta’ preskrizzjoni ta’ wħud mill-akkużi

AĠĠORNAT: Il-Qorti mistennija tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar numru ta’ akkużi fil-konfront tax-xufier u l-erba’ diretturi tal-kumpanija City Sightseeing Malta Limited, wara li l-avukati li qed jirrappreżentaw lill-akkużati qalu lill-Qorti li dawn ġew preskritti.

L-akkużi inkwistjoni u li jikkonċernaw lill-erba’ direturri u kif ukoll lix-xufier tax-xarabak, jirrigwardjaw il-feriment ta’ natura ħafifa involontarju fil-konfront ta’ 13-il passiġġier li kienu fuq id-duble decker fil-mument tal-inċident, u l-ħsara involontarja fuq ix-xarabank double-decker.

Id-difiża għal Charles D’Amato, ix-xufier tax-xarabak, ikkontestat u saħqet li l-akkużi ta’ sewqan perikoluż u traskurat, u sewqan taħt l-effett tax-xorb jew droga ġew preskritti.

Intant fis-seduta ta’ dalgħodu xehed is-Supretendent Johann Fenech li ta dettalji dwar l-inċident li seħħ nhar id-9 ta’ April tal-2018. Huwa qal li kien informat bl-inċident għall-ħabt tal-4.15 p.m., u meta mar fuq il-post qal li x-xarabank tad-double decker kien ipparkjar biswit ħajt. Huwa spjega kif innota demm imċarċar mal-art fuq in-naħa tax-xellug.

Filwaqt li qal li fuq il-livell ta’ fuq tad-double decker kien hemm numru ta’ persuni midrubin, huwa ddeskriva l-ġrieħi li ġarrbu ż-żewġ vittmi. Fil-każ tal-mara Spanjola, huwa qal li kienu evidenti l-ġrieħi f’rasha, bis-socket ta’ għajnejha l-leminija mqabbeżż ’il barra. Fir-rigward tar-raġel Belġjan li wkoll tilef ħajtu fl-inċident, huwa qal lill-Qorti li kawża tal-inċident il-vittma kellu tilf dirajgħ ix-xellugija.

Is-Supretendent Fenech żied jgħid li apparti ż-żewġ vittmi kien hemm numru ta’ persuni oħrajn li kienu fil-periklu tal-mewt.

Tenna li z-zokk tas-siġra milquta mid-double decker kellu traċċi ta’ żebgħa ħamra tax-xarabank. Filwaqt li qal li ma kien hemm ebda marki ta’ brejks mal-art, qal li mal-art instab d-driegħ tar-raġel Belġjan.

Huwa għamel referenza għall-istat trawmatizzat li gih instab ix-xufier tax-xarabank, D’Amato, u qal li test tal-breathlyzer li sarlu rriżulta fin-negattiv.

Is-Supretendent Fenech żied jgħid li mix-xhieda mogħtija waqt l-inkjesta mit-turisti preżenti abbord id-double decker, ħadd minnhom ma qal li kien hemm sewqan traskurat. Madankollu kien hemm tlieta li qalu li kien hemm sewqan eċċessiv.

Fir-rigward tas-siġra milquta mid-double decker, huwa qal li is-siġra kienet ilha hemm. Qal li ftit tal-jiem qabel seħħ l-inċident, pajjiżna kien maħkum minn riħ qawwi, madankollu l-espert tal-Qorti Edwin Lanfranco qal li s-siġra ma ġietx effettwata. Fl-istess waqt l-espert issuġġerixxa li z-zokk jitqaċċat.

Is-Supretendent Fenech żied jgħid li meta kien mitkellem l-isptar, D’Amato ċaħad li kien ħa drogi jew xorb qabel seħħ l-inċident.

Il-każ ġie aġġornat għal seduta oħra.

AKTAR QABEL: Ix-xufier ta’ xarabank open-top double-decker u erba’ diretturi tal-kumpanija City Sightseeing Malta Limited, li topera tours madwar Malta illum se jkunu qed jiġu mixlijin b’rabta mal-inċidnent li seħħ fiż-Żurrieq f’April tal-2018, li fih inqatlu żewġ turisti filwaqt li ndarbu 21 turist ieħor.

Charles D’Amato, ta’ 27 sena minn Ħal Qormi, kien qed isuq id-double decker meta laqat friegħi ta’ siġar. Żewġ turisti li kienu fl-upper deck, Kaenraad Richard De Vrieze ta’ 62 sena u ta’ nazzjonalità Belġjana, u Elisaveta Danielova Avdala ta’ 37 sena ta’ nazzjonalità Spanjola, intlaqtu mill-friegħi tas-siġra fi Triq Valletta, u mietu fuq il-post.

Tmien passiġġieri oħrajn li kienu fuq id-double decker sofrew ġrieħi serji, filwaqt li 13 oħrajn sofrew ġrieħi ħfief.

D’Amato, fliemkien mal-erba’ diretturi tal-kumpanija l-aħwa Kim Degabriele ta’ 40 sena, Philip Degabriele ta’ 32 sena, Noel Degabriele ta’ 24 sena, u Lee Anne Borg ta’ 37 sena, se jkunu mixlijin bil-qtil involontarju taż-żewġ turisti u li kkaġunaw ġrieħi lil 21 passiġġier ieħor.

D’Amato se jkun qed jiġi akkużat ukoll b’sewqan negliġenti u perikoluż, u li saq taħt l-ewwel tad-droga jew alkoħol fost oħrajn.

Id-diretturi se jkunu mixlijin li naqsi milli jassiguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-passiġġieri abbord id-double decker, li naqsu milli jipprovdu taħriġ adegwat biex ma jseħħux inċidenti fuq il-post tax-xogħol, u li naqsu milli jinformaw lil JobsPlus dwar l-impjieg ta’ D’Amato.

L-akkużati se jkunu qed jidhru quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud. L-inkjesta dwar dan l-inċident saret mill-Maġistrat Monica Vella.

Share With: